Fil-Ministeru għal Għawdex: is-Segretarju Permanenti Frank Psaila

Gozo Ministry   Frank Psaila

 

Il-każ tas-Segretarju Permanenti Frank Psaila fil-Ministeru għal Għawdex fiż-żmien li kien Prim Ministru Lawrence Gonzi  (2005) hu inkwetanti ħafna.

Il-każ huwa dwar Frank Psaila sal-2005 Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex.  Psaila jgħid li kiteb biex jilmenta li xogħolu konsistenti fit-tmexxija  tas-servizz pubbliku f’Għawdex ma setax jagħmlu sewwa għaliex kien qed ikollu indħil politiku kontinwu.

S’hawnhekk wieħed jammira l-kuraġġ ta’ Frank Psaila li kiteb biex jirrapporta u bit-tama li xi ħadd jiċċaqlaq. It-tweġiba li rċieva bil-fomm inqisha bħala daqqa ta’ ħarta għas-serviżż ċivili. Frank Psaila kien mitlub biex jirtira ta’ 60 sena miċ-ċivil għax ma kienx kompatibbli mal-Ministru tiegħu!

Lil Frank Psaila ftit iltqajt miegħu fuq xogħol. Imma kien biżżejjed biex iffurmajt l-opinjoni li kien jaf x’inhu jagħmel u li ma kienx qaddej tal-Ministru iżda qaddej tal-pajjiż (civil servant).

Dan il-każ jitfa dawl fuq x’tip ta’ Segretarji Permanenti jitneħħew. Ma nafx jekk hux rifless ukoll dwar x’tip ta’ Segretarji Permanenti ma tneħħewx!

Dan il-każ iżda jispjega b’mod ċar il-mandra li l-pajjiż jinsab fiha illum.

Naħseb li dan il-pajjiż jixraqlu ħafna aħjar. Nofs tuzzan Segretarji Permanenti bħal Frank Psaila naħseb li jagħmlu l-ġid!

Joseph għandu raġun ?

 

Joseph Muscat 14

Nhar il-Ħadd, fil-Qala Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat, meta kien qed  jitkellem fuq ir-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa tkellem dwar in-nuqqas ta’ rispett.

Fil-fatt, il-qalba tal-argument tar-referendum abrogattiv hu n-nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent.

Spiss nitkellmu dwar ir-rebbiegħa. Ħafna drabi nitkellmu ukoll dwar rebbiegħa ġdida. Nagħmlu dan għax ir-rebbiegħa hu iż-żmien ta’ tiġdid: hekk tagħmel in-natura fir-rebbiegħa, tiġġedded.

Il-kaċċa fir-rebbiegħa twassal għal qtil ta’ għasafar fi triqithom biex ibejtu. Mhux biss gamiem u summien. Imma ukoll għasafar oħra li jkunu ikkaċċjati bl-iskuża tal-gamien u s-summien.

Fir-rebbiegħa, iktar milli fi kwalunkwe żmien ieħor tas-sena  għandna nirrispettaw lin-natura u nħalluha titkattar bla xkiel . Dan li ser iseħħ permezz tar-referendum abrogattiv nhar il-11 t’April 2015. Bil-vot LE ser insaħħu r-rispett lejn in-natura fir-rebbiegħa, biex igawdiha kulħadd.

ippubblikat fuq iNews: Tlieta 24 ta’ Marzu 2015