Il-bieraħ fil-Qala Joseph Muscat fetħilha dwar kif għandu qalbu ġunġliena. Għandu qalbu taħarqu għall-kaċċaturi. Hemm bżonn iktar rispett u tolleranza qal, lejn il-kaċaturi! Xejn ma jimporta għal Joseph li bosta mill-kaċċaturi m’għandhom rispett lejn xejn u lejn ħadd. Għandhom ukoll tolleranza zero fil-konfront ta’ min ma jaqbilx magħhom.
Imma wara li qal dan kollu Joseph Muscat irrikonoxxa li hu qiegħed fil-minoranza u ilmenta li mhux sewwa illi minħabba l-arja li rabbew uħud mill-bulijiet li hawn jiġru mas-saqajn ser “jeħel kulħadd”.
Joseph għad jeħtieġlu jifhem li r-rispett għandu jintwera lejn kulħadd, mhux lejn il-kaċċaturi biss. L-ewwel rispett li nistennew hu rispett lejn in-natura fl-iktar mument li din hi dgħajfa. Ir-referendum tal-11 t’April hu fil-fatt dwar dan ir-rispett li hu ferm nieqes. Ir-referendum ifittex li kulħadd jirrispetta lin-natura billi l-kaċċa fir-rebbiegħa tieqaf darba għal dejjem.
Min irid ir-rispett jeħtieġ li l-ewwel jirrispetta. Min irid li jkun ittollerat jeħtieġlu illi l-ewwel jittollera. Huma l-bulijiet li jeħtieġ li juru ftit rispett u tolleranza lejn min ma jaqbilx magħhom. Dawn il-bulijiet jinkludu uħud minn dawk li jċapċpu lil Joseph. Ġieli jgħajjruh ukoll, bħalma għamlu l-Belt xi xhur ilu.
Imma dawn tant draw jagħmlu li jridu illi jippretendu li l-anqas ir-referendum ma jsir!
Ir-rispett u t-tolleranza jeħtieġ li Joseph jipprietka dwarhom ftit iktar. Imma dawn fil-prattika jfissru ħaġa waħda: l-għasafar tagħna lkoll, mhux tagħhom biss.
Għalhekk ser nivvutaw LE nhar il-11 t’April .
Well said
Carmel qed tinsa li l-għasafar m ‘għandhomx vot….Għalhekk nappella lil dawk ta’ rieda tajba sabiex joħorġu u jivvotaw LE għall kaċċa fir-Rebbiegħa….
JIEN LE HA NIVVOTA !!!