Il-miljuni ta’ Ninu minn fejn ġew?

Ninu Zammit                          dollars

Mela issa, kif qaltilna l-Malta Independent on Sunday nafu li fil-kont li kellu fl-Isvizzera Ninu kellu $3.2 miljuni mġemma’ fih.

Ninu għamel użu mill-amnestija skond l-iskema tar-reġistrazzjoni tal-investimenti tal-2014 biex irregolarizza l-posizzjoni tiegħu. Biex setgħet saret din ir-reġistrazzjoni tal-investiment ta’ $3.2 miljuni li Ninu kellu l-Isvizzera, il-Bank Ċentrali ta’ Malta u/jew l-aġenti tiegħu għamlu dik li tissejjaħ due diligence. Jiġifieri staqsew lil Ninu l-mistoqsijiet u talbuh ukoll provi permezz ta’ dokumenti biex jistabilixxu l-oriġini ta’ dawn il-fondi.

Fil-medja, Ninu qal li dawn l-investimenti oriġinaw minn dħul mhux dikjarat mill-professjoni tiegħu kif ukoll min-negozju ta’ artijiet. X’qal lill-Bank Ċentrali jew lill-aġenti tiegħu mhux magħruf għax l-informazzjoni li tkun inġabret ħadd ma għandu aċċess għaliha.

Il-mistoqsija li qed jistaqsi kulħadd hi dwar jekk il-Bank Ċentrali u/jew l-aġenti tiegħu staqsewx biżżejjed kif ukoll jekk għarblux lil Ninu biżżejjed biex jistabilixxu bla dubju minn fejn oriġinaw l-investimenti.

Kien għalhekk li l-bieraħ fi stqarrija għall-istampa, Alternattiva Demokratika, permezz ta’ Arnold Cassola, qalet li jkun għaqli li l-Awditur Ġenerali jinvestiga sewwa dak li għamel il-Bank Ċentrali u dan mhux biss fil-konfront ta’ Ninu Zammit imma ukoll fil-konfront ta’ kull minn għamel użu mill-iskema tar-reġistrazzjoni tal-investimenti fl-2014.

L-Awditur Ġenerali biss għandu l-awtorità li jagħmel dan. Meta l-Awditur Ġenerali jinvestiga, jkun jista’ jistabilixxi jekk l-investimenti mhux dikjarati ġewx verament minn dħul li dawk li applikaw għall-amnestija iddikjaraw. Inkella jekk kienx hemm dħul minn sorsi oħra, bħall korruzzjoni jew inkella ħasil ta’ flus ġejjin, per eżempju, min-negozju tad-droga.

Sakemm l-affarijiet jibqgħu sigrieta fil-Bank Ċentrali dejjem ser jibqa’ d-dubju dwar jekk il-Bank Ċentrali għafasx biżżejjed biex jassigura li l-informazzjoni li kellu kienitx dik korretta. Jekk issir il-verifika mill-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali ikun hemm probabbilta’ ferm iktar li jkun stabilit jekk l-affarijiet sarux sewwa jew le.

One comment on “Il-miljuni ta’ Ninu minn fejn ġew?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s