Il-Cafè Premier: min jgħaġġel u min ikaxkar saqajh

NAO.Premier

 

Meta tifli sewwa r-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika dwar il-Cafè Premier joħorġu ċari numru ta’ punti.

Joseph Muscat, issa qed jaċċetta li għaġġel. “Muscat admits Government rushed on €4.2 million Cafè Premier deal” tgħidilna l-Malta Today online tal-bieraħ il-Ħadd 1 ta’ Marzu. Il-mistoqsija li teħtieġ tweġiba hi għaliex għaġġel? Min jew x’kellu jiġri warajh?

Huwa minħabba li ried jgħaġġel illi żamm kontroll fuq it-taħditiet taħt l-uffiċċju tiegħu? Għaliex fl-iktar żmien kruċjali tat-taħditiet ma involviex lid-Dipartiment li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-propjetà tal-Gvern? Dan il-fatt waħdu huwa sinifikanti u jagħti indikazzjoni li d-deċiżjoni, tal-inqas fil-prinċipju, kienet ilha lesta ferm qabel il-bidu t’April 2013 meta bdew id-diskussjonijiet madwar 4 ġimgħat wara li nbidel il-Gvern.

Ir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jgħidilna li qabel ma bdew id-diskussjonijiet ma’ Joseph Muscat, Mario Camilleri ta’ Cities Entertainment Limited kien qed jiddiskuti ma’ negozjant ieħor li ukoll kien offrielu €4.2 miljuni. Imma ma ftehmux għax Mario Camilleri dehrlu li Cities Entertainment Limited kien ħaqqha iktar. Fil-fatt huwa kien talab €5.37 miljuni. Mit-Times tas-Sibt sirna nafu illi l-offerta kienet saret mingħand Anġlu Xuereb li ma kienx lest li joffri iktar minn €4.2 miljuni .

Jekk il-problema setgħet issolviet bl-involviment tas-settur privat, il-mistoqsija li toħroġ waħedha hi għaliex intużaw €4.2 miljuni mit-taxxi? Din it-tweġiba ma jista’ jagħtiha ħadd ħlief il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Jista’ jkun hemm min jgħid li dan sar biex titneħħa kċina minn taħt il-Biblioteka u b’hekk jitneħħa sors ta’ periklu kbir taħt teżor nazzjonali. Min jgħid hekk forsi ma jafx li l-kuntratt oriġinali ma Cities Entertainment Limited iffirmat fl-1998 kien jipprojibixxi li jintużaw ċilindri tal-gass fuq is-sit. Forsi l-anqas ma jaf li kċina fis-sit li taħdem bl-elettriku hi ta’ periklu ferm inqas mid-diversi ħwienet tal-ħwejjeġ li hemm taħt il-Biblioteka u li b’short circuit fis-sistema tal-elettriku huma ukoll sors kontinwu ta’ periklu daqs jekk mhux iżjed minn kċina li taħdem bl-elettriku.  Għax b’short circuit fis-sistema tal-elettriku il-ħwejjeġ jaqbdu ferm iktar malajr mill-affarijiet li normalment insibu fi kċina! U in-nar li jirriżulta jinfirex iktar malajr.

It-Taqsima tal-Propjetà tal-Gvern, kif inhu ddokumentat fir-rapport tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, damet ftit ittella’ u tniżżel sakemm fl-aħħar iddeċidiet li tibda proċeduri fil-Qorti biex ikun xolt il-kuntratt. Fl-2004 kien diġa beda jberraq. Fl-4 t’April 2006 ġiet ippreżentata ittra uffiċjali biex titħallas il-kera li kienet b’lura. Wara ħafna tiġbid u xi pagamenti  s-sitwazzjoni irranġat għal ftit, sakemm nhar il-5 ta’ Mejju 2009 reġgħet ġiet ippreżentata ittra uffiċjali oħra dwar il-kera li kienet għad ma tħallsitx. Wara dan baqgħu daqqa jifthemu u wara ftit jerġgħu jaqgħu lura fil-ħlas. Sakemm fl-2012 ittieħdu passi legali mill-Gvern.

Kien ikun ħafna iktar għaqli kieku għaxar snin ilu ittieħdu l-passi biex ikun xolt il-kuntratt. Kieku sal-lum bla dubju l-Cafè Premier ilu li ġie f’idejn il-Gvern mingħajr ma tħallas ċenteżmu wieħed mit-taxxi tagħna.

Għalhekk hi ġustifikata l-konklużjoni tal-Awditur Ġenerali li ma ġewx esplorati biżżejjed possibilitajiet oħra li setgħu solvew il-problema.

Bla dubju għal dan kollu għandu responsabbilta’ kbira Joseph Muscat li kif ammetta illum, għaġġel. Imma għandu responsabbiltà ukoll Jason Azzopardi li sad-9 ta’ Marzu 2013 bħala Ministru kellu responsabbilta politika għat-Taqsima tal-Propjeta tal-Gvern li kaxkret saqajha biex tieħu l-passi li kienu neċessarji.

Wieħed għaġġel u l-ieħor ikaxkar saqajh.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s