L-istennija għal dak li l-amnestija tal-MEPA ser tindirizza tkompli.
Sadanittant il-bieraħ it-Tlieta kellna ħafna xita f’Malta (madwar 30 millimetru) u bosta mit-toroq kien fihom kwantita’ kbira ta’ ilma tax-xita għal ħinijiet twal.
Ktibt diversi drabi fuq dan il-blog dwar x’inhu jikkawża dan kollu. Il-bjar li suppost jinbnew mar-residenzi tagħna ftit għadhom jinbnew. Hemm ukoll diversi bjar eżistenti li m’humiex jintużaw inkellha huma żgħar wisq.
Issa suppost li għal dawn l-aħħar 135 sena f’Malta kellna l-obbligu li jkollna bir ma kull binja biex f’dan il-bir jinġabar l-ilma tax-xita. Fit-triq imbagħad ikun jista’ jintefa iż-żejjed, jiġifieri l-overflow.
Minkejja dan l-obbligu, l-bjar fid-djar ftit għadek issibhom. Minflok ma jinġabar, l-ilma tax-xita jintefa kollu fit-triq inkella fid-drenaġġ. Għalhekk meta tagħmel ħafna xita t-toroq ifuru bl-ilma, f’xi każi bid-drenaġġ. Kien hemm drabi li rajna d-drenaġġ ifur mit-tappieri.
Għal dan kollu, barra min jiżviluppa (kemm fuq skala żgħira kif ukoll skala kbira), hi responsabbli l-MEPA li konsistentement tagħlaq għajn waħda u qiesu ma ġara xejn.
X’ser tgħid l-amnestija dwar in-nuqqas tal-bjar fid-djar, fil-flats u l-maisonettes?
ara ukoll fuq dan il-blog:
The Cost of Incompetence. 17 ta’ Jannar 2009
Water : A Long-Term view. 23 ta’ Mejju 2010
The Accumulated Cost of Incompetence. 7 ta’ Settembru 2012