
In-nies, bil-mod qed tifhem li l-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tispiċċa darba għal dejjem.
Is-survey ta’ Xarabank ippubblikat il-bieraħ juri appoġġ li qed jiżdied. 44.7% jgħidu LE u 35.7% jgħidu IVA. Għad baqa xahrejn u l-affarijiet jistgħu jkomplu jinbidlu.
Survey ta’ dan ix-xorta huwa ritratt validu fil-mument li ittieħed. Huwa ritratt tal-opinjoni tan-nies kif qed tiżviluppa f’din il-kampanja dwar dan ir-referendum abrogattiv.
Meta tqabblu mas-survey pubblikat mill-Malta Today nhar il-Ħadd li għadda is-survey ta’ Xarabank juri ċaqlieq fil-fehma tan-nies. Qed jonqsu dawk li lesti jappoġġaw il-kaċċa fir-rebbiegħa. Dan jista’ jkun li jfisser li n-nies qed issegwi id-dibattitu b’attenzjoni u qed tirreagixxi għal dak li qed tisma’.
Punt ieħor posittiv ħafna li jirriżulta minn dan is-survey hu li avolja għad baqa’ xahrejn 80.4% tal-votanti huma deċiżi li jmorru jivvutaw. Dan ukoll huwa żieda fuq dak li kien ikkonkluda is-survey tal-Malta Today. Jidher ċar li l-Maltin iridu jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jeffettwawhom.