F’kull votazzjoni li jkun hawn fil-pajjiż ikun hawn min jipprova jqarraq billi jxerred informazzjoni falza. Jiġifieri jxerred il-gideb.
Bil-liġi li għandna f’Malta ma jistax jinġabru firem biex isir referendum ħalli jispiċċa l-logħob tan-nar. L-anqas ma jistgħu jinġabru l-firem biex jitneħħew iż-żwiemel mit-toroq. Għax ir-referendum abrogattiv ifisser votazzjoni li biha nivvutaw favur jew kontra li nneħħu liġi jew regolamenti.
Issa jekk nivvutaw kontra regolamenti dwar il-logħob tan-nar ikun ifisser li nispiċċaw bla regolamenti u allura l-Gvern ma jkollux poter fuq il-kmamar tal-logħob tan-nar. L-istess jgħodd għaż-żwiemel: referendum dwar iż-żwiemel ma jistax ineħħihom mit-toroq. Jista’ biss ineħħi regolamenti dwar iż-żwiemel. U bla regolamenti l-Gvern ikollu inqas poteri fuq iż-żwiemel.
Fi ftit biss huwa biss il-Parlament li jista’ jnaqqas jew ineħħi ż-żwiemel mit-toroq u fil-fatt il-Ministeru tat-Trasport f’dawn il-ġranet sejjaħ numru ta’ laqgħat propju għalhekk, biex jirregola aħjar u jnaqqas iż-żwiemel fit-toroq.
L-istess dwar il-logħob tan-nar. Huwa biss il-Gvern li għandu is-setgħa li jnaqqas jew jirregola iktar il-logħob tan-nar. Kull tant żmien jagħmel hekk biex itejjeb ir-regolamenti dwar kif iħares is-saħħa u l-ħajja ta’ dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-logħob tan-nar.
Jiġifieri l-ebda referendum ma jista’ iwaqqaf il-logħob tan-nar jew ineħħi ż-żwiemel mit-toroq.
Fir-referendum tal-11 t’April fil-fatt ser nivvutaw dwar ir-regolamenti li bihom il-Gvern qed jagħti permess biex issir il-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem u s-summien. Jekk nivvutaw LE ir-regolamenti jispiċċaw u l-Gvern ma jkunx jista’ iktar jippermetti kaċċa għall-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa.
http://www.newsbook.com.mt/artikli/2015/1/23/ma-jistax-isir-referendum-fuq-iz-zwiemel-jew-il-loghob-tan-nar-cacopardo.26834/
Jekk li qed jghidu dawk li favur l-IVA huwa veru u jirbah l-IVA nghid jien mhux xorta jista jsir referendum fuq haga ohra darb’ohra? M’hemmx xejn li jzomm li ma jsirx dan la darba jingabru l-firem li jkun hemm bzonn.
Jinġabru l-firem dwar xiex? Meta issir talba għal referendum bil-firem tal-votanti, bħalma hu r-referendum tal-11 t’April, dan ir-referendum jista’ biss jitlob li titħassar liġi jew regolamenti. Kemm il-liġi sħiħa inkella parti minnha.
Hemm numru ta’ liġijiet li dwarhom ma jistgħux jinġabru firem (dawk imsemmija fl-artiklu). Imma dwar il-ġbir ta’ firem dwar xi waħda (jew parti) mill-bqija tal-liġijiet u r-regolamenti irridu nifhmu sewwa x’qed ngħidu. L-aħjar nagħti eżempju.
Nafu li hemm regolament fil-liġijiet tat-traffiku illi jnaqqas il-possibilita ta’ dħul ta’ karozzi fl-Imdina. Li kellhom jinġabru l-firem biex jitneħħa dan ir-regolament u l-votanti jaqblu li dan jitneħħa, jkun ifisser li l-karozzi jkunu jistgħu jidħlu fl-Imdina bħal f’kull lokalita’ oħra f’Malta.
Xi jfisser dan? Ifisser li jekk il-liġi/regolament li dwaru jinġabru l-firem biex isir referendum ħalli titneħħa tkun iżżomm xi ħaġa milli issir, ir-referendum jista’ jwassal biex din tkun tista’ tibda issir (jekk jgħaddi).
Imma jekk il-liġi jew regolament li dwar jinġabru l-firem tkun waħda li tagħmel il-kundizzjonijiet dwar kif attivta’ partikolari tista’ issir, referendum dwarha li jgħaddi ikun ifisser li dik l-attivita’ tkun tista’ issir bla regoli, bla kundizzjonijiet.
Fi ftit kliem referendum bħal dak tal-11 t’April huwa marbut ma dak li jgħidu l-liġijiet li għandna illum. Hemm regolamenti li jagħtu l-permess speċjali għal kaċċa fir-rebbiegħa. Jekk jirbaħ il-LE ikun ifisser li dawk ir-regolamenti jispiċċaw u allura l-kaċċa tkun tista’ tibqa’ issir skond il-bqija tar-regolamenti.