F’kull votazzjoni li jkun hawn fil-pajjiż ikun hawn min jipprova jqarraq billi jxerred informazzjoni falza. Jiġifieri jxerred il-gideb.
Bil-liġi li għandna f’Malta ma jistax jinġabru firem biex isir referendum ħalli jispiċċa l-logħob tan-nar. L-anqas ma jistgħu jinġabru l-firem biex jitneħħew iż-żwiemel mit-toroq. Għax ir-referendum abrogattiv ifisser votazzjoni li biha nivvutaw favur jew kontra li nneħħu liġi jew regolamenti.
Issa jekk nivvutaw kontra regolamenti dwar il-logħob tan-nar ikun ifisser li nispiċċaw bla regolamenti u allura l-Gvern ma jkollux poter fuq il-kmamar tal-logħob tan-nar. L-istess jgħodd għaż-żwiemel: referendum dwar iż-żwiemel ma jistax ineħħihom mit-toroq. Jista’ biss ineħħi regolamenti dwar iż-żwiemel. U bla regolamenti l-Gvern ikollu inqas poteri fuq iż-żwiemel.
Fi ftit biss huwa biss il-Parlament li jista’ jnaqqas jew ineħħi ż-żwiemel mit-toroq u fil-fatt il-Ministeru tat-Trasport f’dawn il-ġranet sejjaħ numru ta’ laqgħat propju għalhekk, biex jirregola aħjar u jnaqqas iż-żwiemel fit-toroq.
L-istess dwar il-logħob tan-nar. Huwa biss il-Gvern li għandu is-setgħa li jnaqqas jew jirregola iktar il-logħob tan-nar. Kull tant żmien jagħmel hekk biex itejjeb ir-regolamenti dwar kif iħares is-saħħa u l-ħajja ta’ dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-logħob tan-nar.
Jiġifieri l-ebda referendum ma jista’ iwaqqaf il-logħob tan-nar jew ineħħi ż-żwiemel mit-toroq.
Fir-referendum tal-11 t’April fil-fatt ser nivvutaw dwar ir-regolamenti li bihom il-Gvern qed jagħti permess biex issir il-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiem u s-summien. Jekk nivvutaw LE ir-regolamenti jispiċċaw u l-Gvern ma jkunx jista’ iktar jippermetti kaċċa għall-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa.