X’qalu l-kaċċaturi: kif wieġbet il-Qorti Kostituzzjonali (6)

spring huntng

6.M’hemm l-ebda dritt għall-kaċċa

Is-sitt oġġezzjoni li kkunsidrat il-Qorti Kostituzzjonali hi spjegata fil-paragrafi 51 u 52 tas-sentenza li jgħidu hekk:

Fl-aħħar oġġezzjoni tagħha l-Federazzjoni [FKNK] tgħid illi l-qorti għandha tqis id-drittijiet tal-kaċċaturi bħala “grupp ta’ minoranza” u għandha tqis ukoll illi:

“ filwaqt illi huwa minnu li l-prinċipji tad-demokrazija jistipolaw li hija l-maġġoranza li tiggverna, mill-banda l-oħra tali governanza millmaġġoranza għandha dejjem issir b’rispett lejn il-minoranzi.”

Il-Federazzjoni [FKNK] tkompli tgħid illi taħt l-art. 16(1) tal-Kap. 237[Att dwar ir-Referendi] , il-L.S. 504.94 [Legislazzjoni Sussidjarja, ċjoe r-regolamenti li jippermettu d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa] ma tistax tintlaqat b’referendum abrogativ għax, jekk ma tibqax fis-seħħ, il-liġi “tkun inkompatibbli ma’ xi waħda mid-disposizzjonijiet tal-Kostituzzjoni jew tal-Att dwar il-Konvenzjoni Europea”.

Il-Qorti Kostituzzjonali twieġeb b’mod ċar fil-paragrafi 53 u 54 tas-sentenza b’dan il-mod :

Il-Federazzjoni iżda ma ssemmi ebda disposizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew tal-Konvenzjoni Ewropea li tgħid illi hemm dritt fondamentali għall-kaċċa, jew liema minn dawk id-disposizzjonijiet tista’ tinkiser jekk titħassar il-L.S.504.94 [Legislazzjoni Sussidjarja, ċjoe r-regolamenti li jippermettu d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa]. Tassew illi d-dritt tal-maġġoranza għandu jitwettaq b’rispett lejn id-dritt tal-minoranza, iżda dan ir-rispett ma jinkisibx billi, kif trid il-Federazzjoni, il-poplu ma jitħalliex isemma’ leħnu f’referendum. Kif ġa ingħad aktar ’il fuq, iċ-ċirkostanzi fejn referendum ma jistax isir huma previsti mil-liġi bħala eċċezzjoni għar-regola li referendum jista’ jsir u bħal kull eċċezzjoni huma ta’ interpretazzjoni stretta.

Din l-aħħar oġġezzjoni hija għalhekk miċħuda.