4. Il-ħlas ta’ liċenzja ma jagħmilx liġi waħda fiskali
Ir-raba’ oġġezzjoni li kkunsidrat il-Qorti Kostituzzjonali hi spjegata fil-paragrafu 29 tas-sentenza li jgħid hekk:
“Fir-raba’ oġġezzjoni l-Federazzjoni [FKNK] tgħid illi l-L.S. 504.94 [Legislazzjoni Sussidjarja, ċjoe r-regolamenti li jippermettu d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa] hija leġislazzjoni fiskali u għalhekk hija mħarsa taħt l-art. 16(1)(f) tal-Kap. 237 [Att dwar ir-Referendi] . Tgħid illi hija leġislazzjoni fiskali għax min imur għall-kaċċa għandu jkollu liċenza li biex jiksibha jrid iħallas.”
Għal din ir-raba’ oġġezzjoni l-Qorti Kostituzzjonali twieġeb hekk fil-paragrafi 30, u 31 tas-sentenza:
“Leġislazzjoni fiskali hija dik, bħall-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income jew l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, illi l-għan ewlieni tagħha huwa l-ġbir ta’ flus għall-erarju. Liġi ma titqiesx leġislazzjoni fiskali għar-raġuni biss illi taħseb għal ħlas ta’ dritt talli jingħata servizz speċifiku bħal ma hu l-ħruġ ta’ liċenza. L-għan ewlieni tal-L.S. 504.04 [Legislazzjoni Sussidjarja, ċjoe r-regolamenti li jippermettu d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa] ma huwiex il-ġbir ta’ flus iżda r-regolamentazzjoni meħtieġa biex tista’ ssir deroga taħt id-Direttiva 2009/147/KE. [Direttiva dwar l-Għasafar]
Billi għalhekk il-L.S. 504.04 [Legislazzjoni Sussidjarja, ċjoe r-regolamenti li jippermettu d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa] ma tistax titqies leġislazzjoni fiskali, ir-raba’ oġġezzjoni wkoll hija miċħuda.”