3. Is-suspetti tal-Federazzjoni ma jistgħux ma jitqisux fiergħa
It-tielet oġġezzjoni li kkunsidrat il-Qorti Kostituzzjonali hi spjegata fil-paragrafu 25 tas-sentenza li jgħid hekk:
Fit-tielet oġġezzjoni l-Federazzjoni [FKNK] tgħid illi l-Kummissjoni Elettorali ma għamlitx il-verifiki meħtieġa biex tara illi tassew fuq id-Dikjarazzjoni hemm numru biżżejjed ta’ firem validi. Tgħid illi “bl-eżerċizzju mwettaq mill-Kummissjoni Elettorali ċertament …. din ma setgħetx tiddikjara fiż-żgur l-għadd ta’ firem validi li jinqraw mid-dikjarazzjoni u konsegwentement qatt ma setgħet tiżgura jekk l-għadd ta’ persuni meħtieġa iffirmawx jew le d-dikjarazzjoni.” Tgħid ukoll illi l-Kummissjoni Elettorali ma ivverifikatx l-awtentiċità tal-firem. Il-Federazzjoni għalhekk talbet illi tingħata “kopja tal-informazzjoni kollha li ġiet inputted fis-sistema kompjuterizzata mill-istess Kummissjoni Elettorali sabiex b’hekk l-esponenti jkunu jistgħu jqabblu tali informazzjoni mad-data li għandhom huma.
Għal din t-tielet oġġezzjoni l-Qorti Kostituzzjonali twieġbet hekk fil-paragrafi 26, 27 u 28 tas-sentenza:
“Fl-art. 14(3) u (4) tal-Kap. 237 jingħad hekk:
≫14. (3) Il-Kummissjoni Elettorali għandha fi żmien ħmistax-il jum mill-konsenja tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fis-subartikolu (1) tiżgura xi jkun l-għadd ta’ persuni, kwalifikati skont ma hemm fis-subartikolu (1), li jkunu ffirmaw id-dikjarazzjoni, u għandha matul iż-żmien imsemmi ta’ ħmistax-il jum tiddepożita dawk id-dikjarazzjonijiet permezz ta’ nota fir-reġistru tal-Qorti Kostituzzjonali, li biha tiddikjara x’ikun l-għadd ta’ firem validi li jinqraw mid-dikjarazzjoni, kif ukoll l-għadd ta’ firem invalidi u għaliex dawn ikunu invalidi, flimkien ma’ dikjarazzjoni li tkun tindika jekk l-għadd ta’ persuni meħtieġa skont is-subartikolu (1) ikunx iffirma d-dikjarazzjoni.
≫(4) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali dwar l-għadd ta’ persuni li jkunu ffirmaw validament id-dikjarazzjoni għandha tkun waħda finali u konklużiva.≪
Il-Kummissjoni Elettorali ippreżentat in-nota li jrid l-art. 14(3) fit-2 ta’ Lulju 2014. F’dik in-nota fissret kif għamlet il-verifika tal-firem u qalet kemm huma l-firem validi u dawk invalidi. L-art. 14(4) igħid illi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali dwar il-għadd tal-firem validi għandha tkun finali u konklużiva u din il-qorti ma tarax illi s-suspetti ġeneriċi mressqa mill-Federazzjoni, imsaħħa b’ebda prova jew argument konvinċenti, huma biżżejjed biex tiġi serjament kontestata d-deċiżjoni tal-kummissjoni. Il-metodu ta’ verifika tal-firem adottat mill-Kummissjoni Elettorali, kif imfisser fin-nota tagħha tat-2 ta’ Lulju 2014, huwa wieħed raġonevoli; verifika ta’ kull firma minn espert tal-kitba, kif trid il-Federazzjoni, la tkun prattika u lanqas fattibbli. Barra minn hekk, meta tqis ukoll illi l-għadd meħtieġ ta’ firem kien tlieta u tletin elf, erba’ mija u tmintax (33,418) u l-Kummissjoni Elettorali għaddet wieħed u erbgħin elf, erba’ mija u erbgħa u disgħin (41,494) firma valida, b’mod illi, ukoll jekk dsatax fil-mija (19%) tal-firem maħsuba validi huma ħżiena, xorta jifdal aktar minn biżżejjed biex id-dikjarazzjoni tintlaqa’, is-suspetti tal-Federazzjoni ma jistgħux ma jitqisux fiergħa.
Il-qorti għalhekk tiċħad it-tielet oġġezzjoni u tiċħad ukoll it-talba tal-Federazzjoni biex tingħata d-data fil-pussess tal-Kummissjoni Elettorali.”