2. Oġġezzjoni fattwalment ħażina
It-tieni oġġezzjoni li kkunsidrat il-Qorti hi spjegata fil-paragrafu 21 tas-sentenza li jgħid hekk:
“It-tieni oġġezzjoni tgħid illi d-Dikjarazzjoni ma tgħidx min huma l-persuni li qegħdin jagħmluha, u għalhekk ma tħarisx dak li jgħid u jrid l-art. 15(2) tal-Kap 237 [Att dwar ir-Referendi] :
“15(2) Dawk li jipproponu r-referendum, li ma jkunux inqas minn ħamsa u mhux iktar minn għaxra, għandhom jiffirmaw id-dikjarazzjoni qabel il-persuni l-oħra kollha filwaqt li jindikaw li jkunu qegħdin jiffirmaw bħala proponent.”
Għal din t-tieni oġġezzjoni l-Qorti Kostituzzjonali wieġbet hekk fil-paragrafi 22, 23 u 24 tas-sentenza:
“ Din l-oġġezzjoni hija fattwalment ħażina. Id-Dikjarazzjoni saret fil-forma murija fl-Ewwel Skeda tal-Kap.237 li trid li d-dikjarazzjoni tibda hekk :
“Aħna hawn taħt iffirmati li aħna persuni rreġistrati bħala eletturi għall-elezzjoni ta’ membri fil-Kamra tad-Deputati (li minna l-ewwel għadd ta’ *(1) …………………….. persuni hawn taħt iffirmati huma l-proponenti) qegħdin nitolbu li l-mistoqsija dwar jekk dawn id-disposizzjonijiet tal-liġi li ġejjin, jiġifieri ……………..”
Imbagħad fil-parti fejn fl-Ewwel Skeda jitħalla vojt – fejn hemm l-istilla (*) u n-numru wieħed (1) – biex jitniżżel in-numru ta’ proponeti tniżżel in-numru “għaxra”, li jfisser illi l-ewwel għaxar ismijiet huma tal-proponeti u l-bqija huma l-ismijiet ta’ dawk illi ffirmaw id-dikjarazzjoni biex jintlaħaq in-numru li jrid l-art. 14(1) biex id-dikjarazzjoni tkun tista’ validament tintbagħat lill-Kummissjoni Elettorali.
It-tieni oġġezzjoni hi għalhekk miċħuda.”