1.distinzjoni artifiċjali
L-ewwel oġġezzjoni li kkunsidrat il-Qorti hi spjegata fil-paragrafu 18 tas-sentenza li jgħid hekk:
“L-ewwel raġuni imressqa mill-Federazzjoni [FKNK] għala r-referendum m’għandux isir hija li l-art.14 tal-Kap 237 [Att dwar ir-Referendi] iħalli illi jissejjaħ referendum biex ma jibqax iseħħ “xi disposizzjoni jew għadd ta’ disposizzjonijiet ta’ xi liġi” u mhux biex ma tibqax isseħħ liġi sħiħa, kif inhi l-mistoqsija taħt ir-referendum li trid il-Koalizzjoni.”
Għal din l-ewwel oġġezzjoni tal-FKNK il-Qorti Kostituzzjonali twieġbet hekk fil-paragrafi 19 u 20 tas-sentenza:
“ Fi-fehma ta’ din il-Qorti d-distinzjoni li qiegħda tagħmel il-Federazzjoni bejn “disposizzjoni jew disposizzjonijiet” ta’ “liġi” u “liġi sħiħa” hija waħda artifiċjali. L-art. 14(1) ma jagħmel ebda limitu fuq il-għadd ta’ disposizzjonijiet ta’ liġi li jistgħu jintlaqtu b’referendum abrogattiv, bħallikieku ma tistax issir talba biex ma tibqax fis-seħħ liġi b’għoxrin disposizzjoni iżda tista’ ssir talba biex ma jibqgħux fis-seħħ dsatax minn dawk l-għoxrin disposizzjoni u titħalla waħda biss fis-seħħ. Fil-fatt, l-art 13(1) igħid illi l-proċedura tar-referendum abrogattiv tolqot “kull disposizzjoni” ta’ liġi li ma tkunx waħda minn dawk elenkata tassattivament fl-art.13(2), u l-effett tagħha ma hux limitat għal kull disposizzjoni li tkun biss parti minn liġi u mhux liġi sħiħa.
L-ewwel oġġezzjoni tal-Federazzjoni hija għalhekk miċħuda.”