Ir-referendum: 11 t’April 2015

turtle dove 2

 

L-istorja ta’ dan ir-referendum qed iżżid ir-ritmu issa li l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet.

Fi ftit iktar minn 24 siegħa wara li l-Qorti esprimiet ruħha, l-Gvern iddeċieda d-data tar-referendum li issa hu ċar li ser isir fil-11 t’April 2015, flimkien mal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali. Li dawn l-elezzjonijiet ser isiru flimkien mar-referendum hu pass tajjeb. Il-pajjiż jiffranka l-flus, u anke, għax le, probabbilment li jkun hemm iktar nies li joħorġu jivvutaw.

Qed jingħad ħafna kliem dwar x’inhuma ir-raġunijiet għall-għażla tad-data. Meta kien mistoqsi dwar dan, il-Prim Ministru qal li ma jixtieqx kampanja twila għax il-pajjiż għandu ħafna affarijiet iktar importanti x’jagħmel. Għandu biċċa raġun dwar dan. Imma hu ċar ukoll li l-għażla tal-11 t’April 2015 bħala d-data tar-referendum, eżattament qabel id-dati normali tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, tipproteġi lill-kaċċaturi mill-abbużi u l-esagerazzjonijiet li uħud minnhom iwettqu waqt u wara kull staġun.  Kull sena jiġru minnhom dawn l-abbużi w il-fatt li l-Gvern għażel illi l-votazzjoni issir qabel l-istaġun tal-kaċċa m’għandix dubju li hemm ftit ħsieb f’dan is-sens.  Iktar milli jagħti vantaġġ lill-kaċċaturi naħseb li jipprova jipproteġihom mill-iżvantaġġi li joħolqu huma stess!

Għadhom kif ħarġu stqarrija l-FKNK li fiha jgħidu li l-għodda tar-referendum hi waħda anti-demokratika. Għadhom jeqirdu li għandhom xi dritt speċjali għall-kaċċa fir-rebbiegħa. Anke fil-Qorti qalu hekk.

Il-paragrafu 51 tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali jingħad hekk:

51. Fl-aħħar oġġezzjoni tagħha l-Federazzjoni [FKNK] tgħid illi l-qorti għandha tqis id-drittijiet tal-kaċċaturi bħala “grupp ta’ minoranza” u għandha tqis ukoll illi: “filwaqt illi huwa minnu li l-prinċipji tad-demokrazija jistipolaw li hija l-maġġoranza li tiggverna, mill-banda l-oħra tali governanza mill-maġġoranza għandha dejjem issir b’rispett lejn il-minoranzi.”

Imma l-Qorti Kostituzzjonali weġbithom u ddeċidiet b’dan li mod :

 “53. Il-Federazzjoni [FKNK] iżda ma ssemmi ebda disposizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew tal-Konvenzjoni Ewropea li tgħid illi hemm dritt fondamentali għall-kaċċa, jew liema minn dawk id-disposizzjonijiet tista’ tinkiser jekk titħassar il-L.S. 504.94 [leġislazzjoni sussidjarja li tippermetti d-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa]. Tassew illi d-dritt tal-maġġoranza għandu jitwettaq b’rispett lejn id-dritt tal-minoranza, iżda dan ir-rispett ma jinkisibx billi, kif trid il-Federazzjoni, il-poplu ma jitħalliex isemma’ leħnu f’referendum. Kif ġa ingħad aktar ’il fuq, iċ-ċirkostanzi fejn referendum ma jistax isir huma previsti mil-liġi bħala eċċezzjoni għar-regola li referendum jista’ jsir u bħal kull eċċezzjoni huma ta’ interpretazzjoni stretta.

 54. Din l-aħħar oġġezzjoni hija għalhekk miċħuda.”

 

Min irid kopja sħiħa tas-sentenza jista’ jidħol fis-sit tal-Qorti fejn ikun jista’ jiddawnlodja kopja. Min ikollu diffikulta’ jista’ jibghatli jikkuntattjani u nibgħatlu pdf.

 

 

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s