Ir-Referendum : pass ieħor il-quddiem

ipp

Id-deċiżjoni ta’ dal-għodu tal-Qorti Kostituzzjonali li “ ma teżisti ebda waħda mir-raġunijiet biex ma jsirx ir-referendum u għalhekk tgħid illi r-referendum għandu jsir.”  tagħlaq l-ewwel kapitlu fl-istorja ta’ dan l-ewwel referendum abrogattiv.

Dan ir-referendum biex jitħassru ir-regolamenti li jippermettu l-kaċċa fir-Rebbiegħa issa jrid isir bejn id-9 t’April u d-9 ta’ Lulju 2015.

Dan hu possibli minħabba li 41,494 votant Malti iffirmaw il-petizzjoni li kienet titlob biex isir dan ir-referendum.

Issa nxammru l-kmiem għall-pass li jmiss. Biex in-nies joħorġu jivvutaw fil-Jum tal-Votazzjoni.

Grazzi lil kull min ta’ l-appoġġ tiegħu biex wasalna sa hawn. Issa nkomplu.

Riforma fil-ħidma tal-Parlament

parlament ta' Malta

Ir-rapport li l-Prim Ministru talab lill-Kumitat magħmul mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Prinċipali issa huwa magħruf. Mhux kollu hu magħruf,  iżda biċċiet minnu. Dawk il-biċċiet li min irrapporta dwarhom dehrlu li kienu importanti.

Fir-rapporti ppubblikati spikkaw is-salarji proposti għall-politiċi. Dak kien li l-Prim Ministru talab lill-Kumitat biex jirrapporta dwaru. Imma l-Kumitat magħmul mill-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Prinċipali ma waqafx hawn. Eżamina ukoll il-ħidma tal-Parlament u irrakkomanda riforma dwar kif jaħdem il-Parlament. Fosthom li l-membri tal-Parlament ikunu possibilment full-timers u dan billi jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għall-ħidma Parlamentari.

Hekk jaħdmu l-parti l-kbira tal-Parlamenti tad-dinja demokratika. Għax il-membru parlamentari mhux qiegħed hemm biss biex jagħmel xi mistoqsija parlamentari jew biex jieħu sehem f’dibattitu dwar xi liġi.  Qiegħed hemm ukoll biex jgħarbel il-ħidma tal-Gvern. U meta nitkellem dwar il-Gvern m’għandix f’moħħi biss il-Ministri jew is-Segretarji Parlamentari, imma ukoll kif joperaw id-Dipartimenti tal-Gvern u l-Awtoritajiet differenti.

Hija responsabbiltà tal-membri kollha tal-Parlament li kontinwament jeżaminaw il-ħidma kollha tal-Gvern u fl-interess ta’ dawk li eleġġewhom ifittxu li din il-ħidma tkun l-aħjar possibli. Dan jgħodd kemm għall-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern kif ukoll għal dawk fuq in-naħa tal-Opposizzjoni.  Dan l-eżami tal-ħidma tal-Gvern ma jsirx biżżejjed għax il-Membri tal-Parlament, billi jridu jlaħħqu ukoll ma xogħol ieħor m’għandhomx biżżejjed ħin biex jagħmlu dak li ġew eletti għalih.

Ir-rapport li l-Prim Ministru talab lill-Ombudsman, lill-Awditur Ġenerali u lill-Kummissarju Elettorali Prinċipali jeħtieġ li jkun eżaminat fit-totalità tiegħu. Huwa bla dubju kontroversjali imma jeħtieġ diskussjoni matura.

 

ippubblikat fuq iNews il-Ħamis 8 ta’ Jannar 2015