Mistoqsija lil Joseph u lil Simon

Muscat + Busuttil

 

 

Id-dibattitu pubbliku dwar l-onorarja, salarji u r-riforma meħtieġa dwar kif jaħdem il-Parlament ġie kontaminat minn kummenti immirati biex joqtlu diskussjoni serja.

Il-PN għadu mixgħuf bħala riżultat tal-mod dilettantesk kif żviluppa “l-iskandlu tal-€500 fil-ġimgħa”. Għalhekk il-PN qed jitkellem dwar “żieda ta’ €1000 fil-ġimgħa ” fis-salarju tal-Prim Ministru. F’moħħ il-partitarju jeħtieġ li jikkanċellaw skandlu b’ieħor.

Iżda l-każ hu ferm differenti milli qed jgħid il-PN u l-kelliema tiegħu. Dak li setà kien qabża fil-kwalità tad-dibattitu politiku fil-pajjiż spiċċa f’dibattitu kontaminat. Kontaminazzjoni li għaliha l-PN ingħataw għajnuna utli minn Joseph Muscat.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat f’April 2013 beda fuq nota pożittiva. Flok ma ħa d-deċiżjoni bejn l-erba’ ħitan ta’ Kastilja talab rapport indipendenti.   Qabbad tlieta min-nies rispettati minn kulħadd, avolja mhux kulħadd qabel li l-ħatra tagħhom kien kostituzzjonalment pass għaqli.  Dan l-ewwel pass kien pożittiv ħafna u kien jagħti x’jifhem li  d-diskussjoni politika, wara kollox, ankè f’Malta tista’ tkun ibbażata fuq ir-raġuni. Muscat kif aġixxa kien qed iwassal il-messaġġ li ankè f’Malta jista’ jkollna diskussjoni matura.

Meta Muscat talab ir-rapport ħafna fehmu li huwa ried f’idejh proposta li toriġina minn sorsi indipendenti u fdati u li għax toriġina minn dawn is-sorsi kienet tagħlef diskussjoni serja. Il-konklużjoni tad-diskussjoni setgħet kienet fil-linja tar-rapport inkella xi ħaġa oħra differenti. Imma bla dubju l-iskop kien wieħed ta’ diskussjoni serja fuq proposta ġejja minn sorsi serji u fdati.

Ir-rapport tlesta u wasal fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat fl-ewwel ġranet tal-2014, sena ilu. Imbagħad ………………… skiet taqtgħu b’sikkina. Bla dubju Joseph Muscat  qara r-rapport u ħakk rasu. Imma baqa’ sieket sa mal-Malta Independent ippubblikaw il-konklużjonijiet tar-rapport dwar is-salarji. Wara dan l-Independent ippubblikaw dettalji oħra li jirriżultaw mir-rapport.

L-iktar inkwetanti kien il-pubblikazzjoni tal-kumment ta’ Joseph Muscat li hu ma jaqbilx mar-rakkomandazzjonijiet li r-rapport mitlub minnu wasal għalihom. Qal ukoll li hu ma jridx żieda fis-salarju la issa, la fi tmiem il-leġislatura u l-anqas wara.

X’ġara? Ovvju ħafna għalija x’ġara. Meta Joseph Muscat qara r-rapport ikkonkluda mill-ewwel li t-tweġiba politika tal-partit l-ieħor kienet ser tkun bl-istess linġwaġġ li hu (Muscat) iffaċċja lil Lawrence Gonzi fil-leġislatura l-oħra. Mediċina morra ħafna li ma ħasibx fiha qabel ma talab ir-rapport, għax kif żviluppaw l-affarijiet naħseb li din ir-reazzjoni kienet sfortunatament waħda inevitabbli.

Fid-dawl ta’ dan Joseph Muscat ipprova jiddistakka ruħu mir-rakkomandazzjonijiet dwar is-salarji. Dan kien attentat ftit tard biex joqtol id-diskussjoni qabel ma tibda. Imma d-diskussjoni diffiċli toqtolha u bi żball tattiku bħal dan inqas għandu ċans.

Ir-rapport li ħejjew l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-Kummissarju Elettorali Ewlieni huwa dak l-eżerċizzju serju li talab il-Prim Ministru f’April 2013. Bla dubju huwa kontroversjali mhux ftit. Imma jekk irridu diskussjoni matura, dan ir-rapport ipoġġi quddiemna r-rejaltajiet li jeħtieġ illi niffaċċjaw. Huwa bażi tajba għal diskussjoni.

Hi ħasra li dan id-dibattitu ġie kontaminat.

Il-mistoqsija lil Joseph u lil Simon hi waħda: il-politika ġdida għal meta?

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s