Ir-rapport li talab il-Prim Ministru dwar is-salarji tal-politiċi qanqal diskussjoni.
Nibda biex ngħid li l-Prim Ministru għamel tajjeb li l-materja ma iddiskutiex bejn l-erba’ ħitan tal-Kabinett. Għax din il-materja mhux biss hi ta’ interess pubbliku imma fuq kollox għandu jkun il-Parlament li jiddeċiedi materji bħal dawn.
Ir-rapport tal-Kumitat li ħatar il-Prim Ministru issa qrajtu kollu, għax fuq talba ta’ Alternattiva Demokratika, madwar xahar ilu l-Prim Ministru aċċetta li jgħaddilna kopja tar-rapport.
Il-Parlament għandu funzjoni importanti. Mhux biss li japprova l-liġijiet imma ukoll li jissorvelja l-ħidma tal-Gvern. Din il-ħidma hi responsabbilta’ tal-Membri Parlamentari kollha, mhux biss ta’ dawk fuq in-naħa tal-Opposizzjoni. Kull Membru Parlamentari jisvolġi l-ħidma tiegħu mill-perspettiva politika tiegħu. Jiġifieri l-Membru Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern ukoll għandu l-obbligu li jkun kritiku fl-appoġġ li jagħti lill-Gvern immexxi mill-partit tiegħu. Dan għandu jagħmlu għax għandu kull interess li jassigura li l-Gvern li huwa jappoġġa ma jiżvijjax minn dak li jemmen u mill-programm elettorali tiegħu.
Tul is-snin kellna diversi Membri tal-Parlament li dan għamluh. Mill-mod kif tkellmu mhux diffiċli biex tinduna meta kienu ġenwini u meta ma kienux. Dejjem, iżda, ħarsu lejhom bl-ikraħ għax f’dan il-pajjiż tagħna il-kritika tal-partit tiegħek stess mhiex aċċettata. Sfortunatament hu mistenni li kull membru parlamentari jagħti appoġġ inkundizzjonat lill-partit tiegħu.
Kif tafu dan jikkuntrasta bil-kbir ma dak li jiġri f’parlamenti oħra fejn diversi drabi, għal raġunijiet validi u mhux ikun hemm min jivvota differenti minn membri parlamentari oħra tal-partit tiegħu stess.
X’għandu x’jaqsam dan kollu mar-rapport dwar il-ħlas li jirċievu l-politiċi?
Għandu x’jaqsam ħafna għax bi ħlas sura ta’ nies għal dawk f’ħatra politika hu possibli li jkun hemm iktar persuni ta’ kwalita’ li jitħajru jagħtu servizz. Diġa hemm persuni validi, imma, fil-fehma tiegħi m’hemmx biżżejjed.
Ir-rapport tal-Kumitat li ħatar il-Prim Ministru jagħti kontribut tajjeb għad-diskussjoni meħtieġa.
Fil-fehma tiegħi r-remunerazzjoni proposta mir-rapport mhiex esaġerata u tista’ tkun aċċettabbli. L-iktar punt importanti mir-rapport imma, fil-fehma tiegħu mhux ir-remunerazzjoni iżda l-proposta ta’ Alternattiva Demokratika (emfasizzat mir-rapport) biex il-Membri Parlamentari jkunu full-time billi jiddedikaw ħinhom kollu għall-ħidma parlamentari tagħhom. Huwa biss b’dan il-mod li l-Membru Parlamentari jista’ jaqdi l-iktar dover importanti tiegħu, ċjoe li jissorvelja l-ħidma tal-Gvern. B’Membri Parlamentari part-time dan id-dover ma jistax jitwettaq sewwa, kif wara kollox ftit li xejn twettaq tul is-snin.
Il-Parlament għandu bżonn ukoll li jaħdem f’ħinijiet li jkunu family-friendly. Għax anke l-Membri Parlamentari (nisa u irġiel) għandhom id-dritt li jkollhom ħin għall-familji tagħhom. Dan hu punt li insistiet dwaru Alternattiva Demokratika u r-rapport jemfasizzah.
Pajjiżna jkollu dejjem il-parlament li jixraqlu. Pero irridu dejjem ninvestu fih biex nagħmluh aħjar. Naħseb li r-rapport tal-kumitat li ħatar il-Prim Ministru dwar il-ħlas li huma intitolati għalih il-politiċi jagħti kontribut kbir biex ikollna diskussjoni serja. Issa jiddependi minna kemm din id-diskussjoni nistgħu nwassluha l-quddiem.
Fil-passat id-diskussjoni iddiġenerat. M’għandiex għalfejn nirrepetu l-istess żbalji!