Ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa: x’inhu jiġri fil-Qorti?

rikors replika KSUseduta

Kelli l-opportunità diversi drabi f’dan il-blog li nfisser x’inhu għaddej bħalissa fil-Qorti in konnessjoni mar-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Nhar it-3 ta’ Lulju 2014 il-Kummissjoni Elettorali ppreżentat nota fir-reġistru tal-Qorti Kostituzzjonali li fiha intqal illi 41,494 persuna kienu iffirmaw dikjarazzjoni skond kif jitlob l-Att dwar ir-Referenda li permezz tagħha talbu li jsir referendum ħalli jitħassru r-Regolamenti dwar deroga għal staġun tal-kaċċa fir-Rebbiegħa għall-gamiem u s-summien.

Hekk kif l-għada ġie ppubblikat avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li ħabbar il-prezentazzjoni ta’ din in-nota beda għaddej it-terminu ta’ tlett xhur li fihom kull votant seta jippreżenta oġġezzjoni li fiha jispjega għaliex fil-fehma tiegħu dan ir-referendum ma kellux isir.

Hekk fil-fatt għamlu żewġ għaqdiet tal-kaċċaturi, il-Kaċċaturi San Umbertu (KSU) u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK).

Il-pass li kien imiss kien perjodu ta’ xahar li fih dawk li kienu qed jorganizzaw it-talba għar-referendum [jiġifieri rapprezentanti ta’ għaqdiet ambjentali diversi u Alternattiva Demokratika], l-Kummissjoni Elettorali, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Opposizzjoni bdew wieħed wieħed jippreżentaw it-tweġibiet għall-argumenti tal-kaċċaturi u l-għaqdiet tagħhom.

Imma l-Kap tal-Opposizzjoni ippreżenta t-tweġiba tiegħu tard. U l-kaċċaturi talbu li t-tweġiba tal-Kap tal-Opposizzjoni titneħħa mill-proċess. Il-Qorti qablet ma dak li qalu l-kaċċaturi u ordnat li t-tweġiba tal-Kap tal-Opposizzjoni, għax daħlet tard, qiesha qatt ma daħlet.

Imma l-kaċċaturi mhux dan biss talbu. Billi dejquhom is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni Elettorali talbu lil Qorti biex ankè dawn is-sottomissjonijiet kellhom jitneħħew mill-proċess. Imma hawnhekk il-Qorti ma qablitx u ċaħdet it-talba tal-kaċċaturi.

Hemm iktar.

Il-Qorti wara li rat id-dokumenti kollha li ġew ippresentati quddiema iddeċidiet li ma kienx hemm ħtieġa li issejjaħ seduta pubblika li fih l-avukati tal-partijiet jippreżentaw l-argumenti tagħhom. Dan għaliex l-argumenti kollha kienu diġa ċari ħafna. Fil-fatt il-Qorti iddeċidiet   li nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar 2015 fid-9 ta’ fil-għodu kienet ser tagħti deċiżjoni.

L-aħħar aħbar li għandi hi propju din. Il-kaċċaturi ma qablux mal-Qorti u talbu li tħassar id-deċiżjoni tagħha u qabel ma tiddeċiedi tisma’ iktar dak li għandhom xi jgħidu.

Nhar is-26 ta’ Diċembru 2014 il-Qorti ċaħdet it-talba tal-kaċċaturi u b’hekk issa huwa ikkonfermat illi d-deċiżjoni ser tingħata nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar 2015 fid-9 ta’ fil-għodu.

Huwa tajjeb li l-Qorti ħadet deċiżjoni li biha ma tippermettix li jkun hemm min itawwal. Dan seta jsir għax il-liġi dwar ir-Referenda tipprovdi dati preċiżi u tagħti gwida u awtorita lill-Qorti Kostituzzjonali biex tkun hi li tiddeċiedi bla dewmien.

Mela ġimgħa oħra jkollna deċiżjoni.

One comment on “Ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa: x’inhu jiġri fil-Qorti?

  1. Possibbli li l-Partit tal-Avukati ma kienx kapaci jaghmel sottomissjoni fiz-zmien stipulat? Wara kollox dak li qalu il-kaccaturi ma kienx xi argument legali ta’ intelligenza kbira! Kif jghidu bl-Ingliz “grasping at straws”.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s