is-Switch tal-valuri

switch2

 

Is-soċjetà tagħna m’għandiex switch li bih, meta trid, tixegħel il-valuri “tajbin” jew titfi l-valuri “ħżiena”.

Is- soċjetà tagħna qed tinbidel u dan qed tagħmlu b’rata mgħaġġla ħafna. Bir-rata mgħaġġla tat-tibdil li minnu għaddej il-pajjiż hemm min qed jinfixel. Kultant hawn ukoll min qiegħed iparla ftit iżżejjed ukoll. Dan kollu qiegħed jiġri għax il-valuri tradizzjonali huma taħt assedju u mhux kulħadd hu ippreparat għal dan it-tibdil mgħaġġel li għaddej madwarna.

Pajjiżna għaddej minn dak li hu inevitabbli, dak li minnu għaddew pajjiżi oħra snin ilu. Dħalna fl-Unjoni Ewropeja fl-2004 u ftit ftit deħlin fis-sekli għoxrin u wieħed u għoxrin.

Kien hawn min ħaseb li dak kollu li seħħ madwarna baqa’ għaddej mingħajr ma effettwana. Min ħaseb hekk għarralu. Stajna kellna dan it-tibdil mifrux fuq numru ikbar ta’ snin, imma r-resistenza politika għall-bidla tul is-snin kienet kbira.

Kull bidla li qed isseħħ tista’ tagħmel il-ġid jekk inkunu imħejjija  għaliha. Għax huwa n-nuqqas ta’ tħejjija li qed iwassal lil uħud biex jippruvaw inisslu l-biża’ b’dikjarazzjonijiet li “qed jintilfu l-valuri”. Ir-realta’ hi ferm differenti. Il-valuri qed jinbidlu u mhux jintilfu.

Għalhekk hu xieraq li jintuża iktar kliem li jħeġġeg it-tolleranza kif ukoll li nirrispettaw iktar lil xulxin. Ovvjament ma hemm l-ebda mertu li tirrispetta lil dak li taqbel miegħu. Ir-rispett, l-iktar li hu meħtieġ hu fil-konfront ta’ dawk li ma naqblux magħhom! Jeħtieġ li nifhmu li kull wieħed u waħda minna għandu l-valuri tiegħu, li jgħożżhom. Dan peró ma jagħti dritt lil ħadd li jmaqdar lil min għandu valuri differenti. Kemm jekk differenti ftit, kif ukoll jekk differenti ħafna.

Is-switch jaqta’. On jew off. Iva jew le. Għall-valuri ma nużawx switch iżda nippruvaw nifhmu u nittolleraw iktar lil xulxin.

It-tolleranza hi biss l-ewwel pass. Il-pass li jkun imiss wara t-tolleranza hi li naċċettaw lil xulxin kif aħna, bid-differenzi b’kollox.

F’soċjetà li tifhem u tagħder m’hemmx post għal switch. Hemm iżda lok biex nibnu flimkien soċjetà dejjem iktar pluralista u liberali ibbażata fuq it-tolleranza u r-rispett reċiproku.

Is-sena t-tajba lil kulħadd.