F’attivita’ konnessa mal-futbol, George Abela, President Emeritu, tkellem dwar il-valuri. Qalilna kemm huma importanti l-valuri fis-soċjeta’ Maltija. Qalilna li allaħares il-valuri ma jibqgħux ċentrali għalina. Imbagħad qiesu ipprova jagħti x’jifhem li l-valuri huma biss dawk insara. Li min ma jħaddanx valuri insara huwa bla valuri.
Meta George Abela kien qed jitkellem fil-Millenium Chapel ġewwa Paceville kien qed jinawgura ġemellaġġ bejn il-Millenium Chapel u l-Youth Football Association. Dakinnhar l-unika futbol li kien interessat fih George Abela kien id-derby ta’ Ħal-Qormi, bejnu u Marie Louise Coleiro-Preca. Abela kien qiegħed iwieġeb żewġ linji mid-diskors tal-President Coleiro-Preca li għamlet f’Jum ir-Repubblika.
Coleiro-Preca nhar it-13 ta’ Diċembru f’diskors ibbażat fuq ix-xogħol u s-solidarjeta’ soċjali bħala pediment essenzjali tar-Repubblika osservat li bħala parti mill-proċess tas-sekularizzazzjoni li Malta għaddejja minnu l-forza organizzattiva tar-reliġjon kattolika qiegħed jiġġenneb. Żiedet tosserva illi irridu noqgħodu attenti li ma nagħmlux l-iżball li seta għamel ħaddieħor li f’dawn iċ-ċirkustanzi min hu qrib il-poter jimponi l-valuri tiegħu. Għax hemm (jew għandu jkun hemm) spazju għal kulħadd.
Osservazzjonijiet f’waqthom għax Malta bħala stat lajk għandha tirrispetta lil kulħadd irrispettivament mill-valuri li jħaddan.