It-tkeċċija ta’ Manwel Mallia minn Ministru

Manwel Mallia 11

 

M’hiex xi ħaġa li tiġri spiss f’Malta li l-Prim Ministru jkeċċi wieħed mill-Ministri tiegħu.  L-anqas ma hi xi  ħaġa li għadna nieħdu ġost biha. Imma la ġrat irrid ngħid li Joseph Muscat għamel sewwa. Dam jaħsibha dsatax-il ġurnata. Il-kritika li nista’ nagħmillu hi dwar id-demwien, mill-bqija fil-fehma tiegħi mexa sewwa.

Imissu għamel  l-istess Lawrence Gonzi ma Tonio Fenech u ma Austin Gatt. Imma ma kellux il-kuraġġ. Forsi Joseph Muscat għamel il-kuraġġ bil-posizzjoni li ħadet il-media u l-opinjoni pubblika li instemgħet sewwa.

Avolja hi deċiżjoni li damet tinħema, id-deċiżjoni dwar it-tkeċċija ta’ Manwel Mallia minn Ministru taf tkun bidu ġdid għall-politika f’Malta.

Fir-rapport tagħhom it-tlett imħallfin irtirati jemfasizzaw il-ħtieġa li tintrefa r-responsabbilta’ politika u jikkummentaw kif ġej :

“In konnessjoni ma dan il-każ issemma l-konċett tar-responsabbilta’ Ministerjali għall-operat ta’ persuni li Ministru jkun għażel  u ħatar biex jaqdu funzjonijiet pubbliċi. Wieħed jinnota li dan il-konċett ta’ sikwit jiġi invokat mill-politiċi li jkunu fl-Opposizzjoni, iżda dawn malajr jinsewh appena  huma jkunu fil-Gvern.

Intqal li l-kultura tar-risenja, sfortunatament ftit li xejn qabdet għeruq f’pajjiżna. Wieħed isaqsi jekk waħda mir-raġunijiet għal dan toħrogx mill-fatt li ċerti għażliet u nomini – minn xufier ta’ Ministru sal-għola karigi fil-pajjiż – mhux dejjem isiru skond il-mertu, ħila u kwalitajiet intrinsiċi ta’ dak li jkun, iżda inveċe sikwit isiru fuq il-bażi ta’ kulur politiku, nepotiżmu, ħbiberija u konsiderazzjonijiet oħra mhux xierqa bħal dawn. Meta jiġri hekk, huwa ferm faċli, li persuni hekk magħżula, li ma jkollomx il-kwalitajiet kollha neċessarji biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom, jiżolqu fin-niexef. Ta’ spiss żelqiet bħal dawn ma jinkixfux, u kollox jibqa’ għaddej daqs li kieku ma sar xejn, iżda s’intendi bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu. Jekk inveċe n-nuqqas li jkun isir magħruf, il-Ministru li jkun għażel u innomina l-persuna li ikkommettiet in-nuqqas, x’aktarx ma jkunx raġel biżżejjed biex jgħid pubblikament mea culpa u għall-bżonn jixħet ir-riżenja tiegħu talli jkun għażel persuna li ma kelliex il-kwalitajiet neċessarji biex taqdi d-dmirijiet li jkun assenjalha. Minflok dan il-Ministru malajr ixandar mal-erba t’irjieħ li hu ma kien jaf b’xejn dwar dak li ġara u jekk si tratta ta’ rejat kriminali, minnufih jagħmel rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi skond il-liġi. B’hekk isalva ġildu.” (paġna 11 tar-rapport tal-inkjesta)

Ir-responsabbilta’ politika m’hiex hemm għall-prietki. Hi x-xiber li bih għandu jkejjel il-Prim Ministru. Bid-deċiżjoni dwar Manwel Mallia jidher li fi ħsiebu jibda jagħmel użu minn dan il-kejl. Jagħmlu tajjeb il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari li għadhom hemm li jieħdu l-każ ta’ Manwel Mallia bħala twissija.

Id-deċiżjoni dwar Manwel Mallia damet 20 ġurnata biex issir. Nittama li jekk ikun hemm każ ieħor ma jdumx daqshekk. Għax suppost li issa bdejna nitgħallmu.

 

ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 16 ta’ Diċembru 2014