Meta ġie ippubblikat ir-rapport tal-inkjesta dwar l-isparatura tax-xufier ta’ Manwel Mallia ħarġet ukoll l-aħbar li l-Prim Ministru kien talab ir-riżenja ta’ Manwel Mallia. Muscat tah iċ-ċans biex wara li jikkunsidra l-kontenut tar-rapport tal-inkjesta jiddeċiedi l-posiżżjoni tiegħu. X’talab eżatt Muscat, għall-ewwel ma kienx ċar tant li kien hemm min qal li kien Manwel Mallia li kien ser jiddeċiedi jekk kellux jirriżenja jew le.
Minn dak li sirna nafu iktar tard kien ċar li l-għażla li kellu Mallia ma kienitx jekk jirriżenjax jew le, iżda bejn li jirriżenja jew jitkeċċa. Mallia għażel li ma jirriżenjax u Muscat ipproċeda biex ikeċċieh.
Fl-ittra li iktar tard Manwel Mallia bagħat lil Joseph Muscat, Manwel Mallia jispjega li ma irriżenjax għax m’għamel xejn ħażin (fl-opinjoni tiegħu).
Toħroġ waħedha l-mistoqsija: x’għamel ħażin Manwel Mallia biex Joseph Muscat keċċieħ minn Ministru?
It-tweġiba hi waħda sempliċi ħafna: x’inhu tajjeb u aċċettabbli u x’inhu ħażin u mhux aċċettabbli ma jiddeċiediħx Manwel Mallia. Jiddeċieduħ in-nies wara li jkunu infurmati eżattament x’ġara. (Għalhekk kien importanti ħafna ir-rwol tal-media f’dan il-każ għax ipprovdiet l-informazzjoni.)
Il-politiku għandu responsabbilta’ għan-nies ta’madwaru, kemm dawk li jagħżel hu biex ikunu madwaru, kif ukoll dawk li jagħżillu ħaddieħor u huwa jaċċetthom mingħajr ma jagħmel verifiki dwarhom.
It-tlett imħallfin (irtirati) li mexxew l-inkjesta m’humiex perfetti. Imma għamlu biċċa xogħol tajba. Għalija u għal Alternattiva Demokratika l-iktar parti importanti mir-rapport tal-inkjesta hi dik il-parti fejn b’mod ċar iżda fil-qosor hemm numru ta’ kummenti fuq ir-responabbilta’ politika. Huma ċari l-Imħallfin (irtirati) f’dak li jgħidu:
“In konnessjoni ma dan il-każ issemma l-konċett tar-responsabbilta’ Ministerjali għall-operat ta’ persuni li Ministru jkun għażel u ħatar biex jaqdu funzjonijiet pubbliċi. Wieħed jinnota li dan il-konċett ta’ sikwit jiġi invokat mill-politiċi li jkunu fl-Opposizzjoni, iżda dawn malajr jinsewh appena huma jkunu fil-Gvern.
Intqal li l-kultura tar-risenja, sfortunatament ftit li xejn qabdet għeruq f’pajjiżna. Wieħed isaqsi jekk waħda mir-raġunijiet għal dan toħrogx mill-fatt li ċerti għażliet u nomini – minn xufier ta’ Ministru sal-għola karigi fil-pajjiż – mhux dejjem isiru skond il-mertu, ħila u kwalitajiet intrinsiċi ta’ dak li jkun, iżda inveċe sikwit isiru fuq il-bażi ta’ kulur politiku, nepotiżmu, ħbiberija u konsiderazzjonijiet oħra mhux xierqa bħal dawn. Meta jiġri hekk, huwa ferm faċli, li persuni hekk magħżula, li ma jkollomx il-kwalitajiet kollha neċessarji biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom, jiżolqu fin-niexef. Ta’ spiss żelqiet bħal dawn ma jinkixfux, u kollox jibqa’ għaddej daqs li kieku ma sar xejn, iżda s’intendi bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu. Jekk inveċe n-nuqqas li jkun isir magħruf, il-Ministru li jkun għażel u innomina l-persuna li ikkommettiet in-nuqqas, x’aktarx ma jkunx raġel biżżejjed biex jgħid pubblikament mea culpa u għall-bżonn jixħet ir-riżenja tiegħu talli jkun għażel persuna li ma kelliex il-kwalitajiet neċessarji biex taqdi d-dmirijiet li jkun assenjalha. Minflok dan il-Ministru malajr ixandar mal-erba t’irjieħ li hu ma kien jaf b’xejn dwar dak li ġara u jekk si tratta ta’ rejat kriminali, minnufih jagħmel rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi skond il-liġi. B’hekk isalva ġildu.”
Kif diġa kelli l-opportunita li ngħid diversi drabi, d-deċiżjoni li l-Ministru Mallia jwarrab jew jitwarrab kienet waħda tajba. Imma damet ħafna ma ittieħdet. Kellu jwarrab jew jitwarrab mill-ewwel. Li l-Ministru Mallia ma irrealizzax li kellu jwarrab la kmieni u l-anqas iktar tard meta ħareġ ir-rapport hu tal-mistħija.
Huwa għalhekk li d-deċiżjoni ta’ Joseph Muscat li ħabbar, kif ħareġ ir-rapport, illi talab ir-riżenja ta’ Mallia kien pass il-quddiem. Avolja tard. Għax donnu xi ħadd induna (anke wara li l-media u l-opinjoni pubblika tambru kontinwament għal ġranet sħaħ) li l-Gvern kellu responsabbilta illi jagħti l-eżempju.
It-tneħħija ta’ Manwel Mallia minn Ministru inqisha bħala żveljarin li bih (forsi) il-politiċi f’dan il-pajjiż jifhmu sewwa iċ-ċanfira tat-tlett Imħallfin (irtirati). Ir-responsabbilta politika mhix biss suġġett tajjeb għall-prietki mill-Opposizzjoni. Hija ukoll programm ta’ ħidma għal kull Gvern.