Dwar ir-responsabbilta’ politika, il-PN jipprietka biss

Muscat + Busuttil

 

Meta tisma’ lil Simon Busuttil u lil Joseph Muscat jitkellmu dwar ir-rapport tal-inkjesta ippubblikat tard it-Tnejn, faċli tasal għall-konklużjoni li t-tnejn li huma għadhom ma tgħallmu xejn minn din l-esperjenza.

Joseph Muscat meta kellem lill-istampa fi Press Briefing għoġbu jagħżel raġuni inkorretta bħala r-raġuni għaliex fil-fehma tiegħu Manwel Mallia kellu jirriżenja. Joseph Muscat, meta għamel hekk, injora l-iktar parti importanti tar-rapport tal-inkjesta (paġna 11) li titkellem dwar ir-responsabbilta’ politika.

Din id-dikjarazzjoni tal-Bord tal-Inkjesta hi waħda qawwija ħafna.

Id-dikjarazzjoni tibda b’battuta li l-politiċi Maltin wara li jipprietkaw mill-Opposizzjoni, hekk kif jitilgħu fil-Gvern malajr jinsew kollox. Ir-rapport imbagħad jgħaddi biex jispjega għaliex (fil-fehma tal-awturi) dan qiegħed iseħħ. Il-ħatriet fil-pajiż (mill-iċken sal-għola) jsiru “fuq bażi ta’ kulur politiku, nepotiżmu, ħbibierija u konsiderazzjonijiet mhux xierqa bħal dawn”.  Dan, ikompli r-rapport, iwassal għal ħsara fit-tmexxija tal-pajjiż.

Din il-ħsara mhux dejjem issir magħrufa. Iżda meta dan iseħħ (jiġifieri li tkun magħrufa) “il-Ministru li jkun għażel u innomina l-persuna li ikkommettiet in-nuqqas, x’aktarx ma jkunx raġel biżżejjed biex jgħid pubblikament mea culpa u għall-bżonn jixħet ir-riżenja tiegħu talli jkun għażel persuna li ma kelliex il-kwalitajiet neċessarji biex taqdi d-dmirijiet li jkun assenjalha.”

Minflok, ikompli jgħid ir-rapport, “dan il-Ministru malajr ixandar mal-erba t’irjieħ li hu ma kien jaf b’xejn dwar dak li ġara”. Jekk imbagħad ikun seħħ reat kriminali l-politiku “jagħmel rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi skond il-liġi. B’hekk isalva ġildu.”

Filwaqt li fil-prinċipju naħseb li lkoll naqblu ma dan, il-problema hi li waqt li l-Partit Nazzjonalista fl-Opposizzjoni dan jipprietkah, fil-Gvern ma ipprattikaħx. Irid ikun rikonoxxut li din hi ir-raġuni ewlenija għar-reżistenza biex Manwel Mallia jirreżenja. L-eżempji ma jispiċċaw qatt, imma nistgħu nsemmu s-segwenti żewġ eżempji:

Tonio Fenech ma irreżenjax minn Ministru tal-Finanżi meta s-Segretarju Privat tiegħu ammetta fil-Qorti li kien irċieva flus ta’ korruzzjoni.

Austin Gatt ma irriżenjax minn Ministru meta sar magħruf li l-każ ta’ korrużżjoni dwar ix-xiri taż-żejt seħħ taħt Chairman tal-Enemalta li appunta hu.

 

Il-kritika fil-konfront ta’ Joseph Muscat hi li dam ħafna biex iċċaqlaq. U allura meta iċċaqlaq li messaġġ li ngħata kien li għamel dan mhux b’xi konvinzjoni li kellu jaġixxi b’dan il-mod imma minħabba l-pressjoni tal-opinjoni pubblika li saret iktar qawwija iktar ma għadda żmien.

B’hekk il-valur tal-pass il-quddiem li Ministru tneħħa f’dawn iċ-ċirkustanzi intilef minħabba d-dewmien li kien hemm.

Fi ftit kliem, dwar ir-responsabbilta’ politika, il-PN jipprietka biss, u meta kellu l-opportunita’ li jaġixxi m’għamel xejn. Imma fil-kaz ta’ Manwel Mallia il-Labour dam wisq biex iċċaqlaq.