L-inkjesta tikkundanna lill-politiċi Maltin

letter of resignation

 

Ngħid għalija kont sorpriż meta fir-rapport tal-inkjesta tat-tlett imħallfin sibt kundanna ċara tal-politiċi Maltin li jipprietkaw ir-responsabbilta’ politika meta jkunu fl-Opposizzjoni u jinsew kollox meta jkunu fil-Gvern.

Fil-fatt fil-paġna 11 tar-rapport tal-inkjesta jingħad hekk:

“In konnessjoni ma dan il-każ issemma l-konċett tar-responsabbilta’ Ministerjali għall-operat ta’ persuni li Ministru jkun għażel  u ħatar biex jaqdu funzjonijiet pubbliċi. Wieħed jinnota li dan il-konċett ta’ sikwit jiġi invokat mill-politiċi li jkunu fl-Opposizzjoni, iżda dawn malajr jinsewh appena  huma jkunu fil-Gvern.

Intqal li l-kultura tar-risenja, sfortunatament ftit li xejn qabdet għeruq f’pajjiżna. Wieħed isaqsi jekk waħda mir-raġunijiet għal dan toħrogx mill-fatt li ċerti għażliet u nomini – minn xufier ta’ Ministru sal-għola karigi fil-pajjiż – mhux dejjem isiru skond il-mertu, ħila u kwalitajiet intrinsiċi ta’ dak li jkun, iżda inveċe sikwit isiru fuq il-bażi ta’ kulur politiku, nepotiżmu, ħbiberija u konsiderazzjonijiet oħra mhux xierqa bħal dawn. Meta jiġri hekk, huwa ferm faċli, li persuni hekk magħżula, li ma jkollomx il-kwalitajiet kollha neċessarji biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom, jiżolqu fin-niexef. Ta’ spiss żelqiet bħal dawn ma jinkixfux, u kollox jibqa’ għaddej daqs li kieku ma sar xejn, iżda s’intendi bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu. Jekk inveċe n-nuqqas li jkun isir magħruf, il-Ministru li jkun għażel u innomina l-persuna li ikkommettiet in-nuqqas, x’aktarx ma jkunx raġel biżżejjed biex jgħid pubblikament mea culpa u għall-bżonn jixħet ir-riżenja tiegħu talli jkun għażel persuna li ma kelliex il-kwalitajiet neċessarji biex taqdi d-dmirijiet li jkun assenjalha. Minflok dan il-Ministru malajr ixandar mal-erba t’irjieħ li hu ma kien jaf b’xejn dwar dak li ġara u jekk si tratta ta’ rejat kriminali, minnufijh jagħmel rapport lill-Pulizija biex dawn jinvestigaw u jieħdu l-passi skond il-liġi. B’hekk isalva ġildu.”

 

Għalija din hi l-konklużjoni ewlenija tar-rapport tal-inkjesta. Kundanna lis-sistema politika Maltija li kontinwament taħrab milli terfa’ r-responsabbilta’ politika. Hi konferma tal-posizzjoni li ħadet Alternattiva Demokratika li kien l-unika partit li insista li għandna inmorru lil hinn mill-cover-up li allegat l-Opposizzjoni.

Ir-rapport tal-inkjesta qed titlob lill-poltiċi Maltin biex jifhmu li kull wieħed minnhom għandu jġorr ir-responsabbiltajiet politiċi għad-deiżjonijiet tiegħu.  Kemm il-Partit Nazzjonalista kif ukoll il-Partit Laburista naqas milli jagħmel dan tul is-snin.

Dan kollu tikkonkludi l-inkjesta, sar u qiegħed isir “bi ħsara lill-pajjiż u l-governanza tiegħu”.

Tajjeb li Joseph Muscat u Simon Busuttil jibdew it-tindifa meħtieġa.

 

Ir-rapport sħih tal-inkjesta tista’ taqraħ hawn.