L-insistenza tal-PN biex tirriżenja Helena Dalli

Minister-Dalli-Minister-Mallia

 

Il-PN, permezz ta’ Ryan Callus, qed jinsisti li Helena Dalli għandha tirriżenja minħabba xi xogħol mhux kopert bil-permessi tal-bini fi propjeta ta’ Kumpanija ta’ żewġha Patrick, liema kumpanija iżda hi imniżżla fid-dikjarazzjoni tal- assi li Helena Dalli tippreżenta kull sena bħala Ministru.

Dak li qed jgħid Ryan Callus hu irregolarita’. M’hemmx dubju dwaru. Huwa responsabbli għal din l-irregolarita l-Management tal-kumpanija PADA Limited, sakemm il-propjeta’ tibqa’ tagħha. M’hiex xi ħaġa li qed tiġri l-ewwel darba. Sfortunatament hemm diversi li jaġixxu b’dan il-mod. L-ewwel jibnu u mbagħad jippruvaw jiksbu l-permess.

Il-punt iżda hu jekk Helena Dalli għandiex xi responsabilta’ għal dak li ġara. Jiena naħseb li l-Partit Nazzjonalista qed jitqanżaħ ftit mhux ħażin għax ma hemm l-ebda mod kif Helena Dalli setgħet kellha xi influwenza fuq il-każ la b’mod dirett u l-anqas b’mod indirett. Ma tistax u m’għandiex tiġi sfurzata terfa’ responsabbilta’ għal dak li għamel jew m’għamilx żewġha fix-xogħol normali tiegħu.

Ara kieku Helena Dalli kienet Direttur tal-kumpanija PADA Ltd il-każ kien ikun wieħed differenti. Imma imbagħad wara kollox din hi r-raġuni l-għaliex il-Kodiċi tal-Etika tal-Ministri jipprojibixxi lil Ministri u Segretarji Parlamentari milli jkunu diretturi ta’ xi entita’, tkun xi tkun, jew li jagħmlu xogħol ieħor waqt li jkunu qed jaqdu d-doveri Ministerjali tagħhom. B’hekk ikunu distakkati minn inċidenti bħal dawn.

Helena Dalli l-anqas ma għandha responsabbilta’ politika għall-ippjanar fl-użu tal-art. Li kellha responsabbilta’ bħal din il-posizzjoni tagħha kienet tkun waħda diffiċli biex tkun difiża.

Esaġerazzjonijiet bħala dawn da parti tal-Partit Nazzjonalista idgħajfu t-talbiet għal riżenja f’każi serji u ġustifikabbli bħal ma hu dak tal-Ministru Manwel Mallia. Għax ngħiduha kif inhi, f’dan il-pajjiż m’hawnx kultura ta’ riżenja. Il-politiku ma jħossx li għandu jerfa’ responsabbilta’ għall-oqsma li għalihom hu responsabbli. Meta imbagħad jitfaċċa  każ imġebbed u mqanżaħ bħal dan ta’ Helena Dalli,  l-PN ikun qed iwassal il-messaġġ li m’għandux idea x’inhu jgħid inkella li jinteressah biss fil-milage politiku.

Għax għalija hu ċar li fil-każ ta’ PADA Limited ma hemm l-ebda raġuni l-għaliex Helena Dalli għandha tirriżenja. Hemm min għandu jwieġeb, imma m’hiex hi iżda żewgha Patrick u l-MEPA.

F’dan is-sens hu pass tajjeb li l-Opposizzjoni talbet l-uffiċċju tal-Ombudsman biex jinvestiga l-każ dwar l-Ordni tal-Infurzar u kemm dan ġie jew ma ġiex osservat. Kien ikun ħafna aħjar kieku l-Opposizzjoni bdiet minn hawn flok qabdet tparla fil-vojt.