is-Switch tal-valuri

switch2

 

Is-soċjetà tagħna m’għandiex switch li bih, meta trid, tixegħel il-valuri “tajbin” jew titfi l-valuri “ħżiena”.

Is- soċjetà tagħna qed tinbidel u dan qed tagħmlu b’rata mgħaġġla ħafna. Bir-rata mgħaġġla tat-tibdil li minnu għaddej il-pajjiż hemm min qed jinfixel. Kultant hawn ukoll min qiegħed iparla ftit iżżejjed ukoll. Dan kollu qiegħed jiġri għax il-valuri tradizzjonali huma taħt assedju u mhux kulħadd hu ippreparat għal dan it-tibdil mgħaġġel li għaddej madwarna.

Pajjiżna għaddej minn dak li hu inevitabbli, dak li minnu għaddew pajjiżi oħra snin ilu. Dħalna fl-Unjoni Ewropeja fl-2004 u ftit ftit deħlin fis-sekli għoxrin u wieħed u għoxrin.

Kien hawn min ħaseb li dak kollu li seħħ madwarna baqa’ għaddej mingħajr ma effettwana. Min ħaseb hekk għarralu. Stajna kellna dan it-tibdil mifrux fuq numru ikbar ta’ snin, imma r-resistenza politika għall-bidla tul is-snin kienet kbira.

Kull bidla li qed isseħħ tista’ tagħmel il-ġid jekk inkunu imħejjija  għaliha. Għax huwa n-nuqqas ta’ tħejjija li qed iwassal lil uħud biex jippruvaw inisslu l-biża’ b’dikjarazzjonijiet li “qed jintilfu l-valuri”. Ir-realta’ hi ferm differenti. Il-valuri qed jinbidlu u mhux jintilfu.

Għalhekk hu xieraq li jintuża iktar kliem li jħeġġeg it-tolleranza kif ukoll li nirrispettaw iktar lil xulxin. Ovvjament ma hemm l-ebda mertu li tirrispetta lil dak li taqbel miegħu. Ir-rispett, l-iktar li hu meħtieġ hu fil-konfront ta’ dawk li ma naqblux magħhom! Jeħtieġ li nifhmu li kull wieħed u waħda minna għandu l-valuri tiegħu, li jgħożżhom. Dan peró ma jagħti dritt lil ħadd li jmaqdar lil min għandu valuri differenti. Kemm jekk differenti ftit, kif ukoll jekk differenti ħafna.

Is-switch jaqta’. On jew off. Iva jew le. Għall-valuri ma nużawx switch iżda nippruvaw nifhmu u nittolleraw iktar lil xulxin.

It-tolleranza hi biss l-ewwel pass. Il-pass li jkun imiss wara t-tolleranza hi li naċċettaw lil xulxin kif aħna, bid-differenzi b’kollox.

F’soċjetà li tifhem u tagħder m’hemmx post għal switch. Hemm iżda lok biex nibnu flimkien soċjetà dejjem iktar pluralista u liberali ibbażata fuq it-tolleranza u r-rispett reċiproku.

Is-sena t-tajba lil kulħadd.

Id-derby ta’ George Abela

Coleiro.Abela.Farrugia

 

F’attivita’ konnessa mal-futbol, George Abela, President Emeritu, tkellem dwar il-valuri.  Qalilna kemm huma importanti l-valuri fis-soċjeta’ Maltija. Qalilna li allaħares il-valuri ma jibqgħux ċentrali għalina.  Imbagħad qiesu ipprova jagħti x’jifhem li l-valuri huma biss dawk insara. Li min ma jħaddanx valuri insara huwa bla valuri.

Meta George Abela kien qed jitkellem fil-Millenium Chapel ġewwa Paceville kien qed jinawgura ġemellaġġ bejn il-Millenium Chapel u l-Youth Football Association. Dakinnhar l-unika futbol li kien interessat fih George Abela kien id-derby ta’ Ħal-Qormi, bejnu u Marie Louise Coleiro-Preca. Abela kien qiegħed iwieġeb żewġ linji mid-diskors tal-President Coleiro-Preca li għamlet f’Jum ir-Repubblika.

Coleiro-Preca nhar it-13 ta’ Diċembru f’diskors ibbażat fuq ix-xogħol u s-solidarjeta’ soċjali bħala pediment essenzjali tar-Repubblika osservat li bħala parti mill-proċess tas-sekularizzazzjoni li Malta għaddejja minnu l-forza organizzattiva tar-reliġjon kattolika qiegħed jiġġenneb. Żiedet tosserva illi irridu noqgħodu attenti li ma nagħmlux l-iżball li seta għamel ħaddieħor li f’dawn iċ-ċirkustanzi min hu qrib il-poter jimponi l-valuri tiegħu. Għax hemm (jew għandu jkun hemm) spazju għal kulħadd.

Osservazzjonijiet f’waqthom għax Malta bħala stat lajk għandha tirrispetta lil kulħadd irrispettivament mill-valuri li jħaddan.

Il-maltemp li jista’ jkaxkarna

29.12.2014

 

Fit-Times of Malta illum f’artiklu intitolat Malta is vulnerable to a devasting megastorm il-Professur Patrick Schembri jispjega kif mir-riċerka li qed jagħmel mal-kosta Maltija qiegħed bil-mod jiskropri provi dwar maltempati kbar li seħħew fil-gżejjer Maltin eluf ta’ snin ilu. L-artiklu ma jidhirx sħiħ online. Online issibu artiklu fil-qosor intitolat Malta hit by megastorms in the past……..and it can happen again.

Din ir-riċerka hi iffinanzjata mill-European Research Council u fiha qed jieħdu sehem tijm internazzjonali mill-Irlanda (Queen’s University Belfast), mir-Renju Unit (University of Cambridge) u Malta (Universita’ ta’ Malta, Sopratendenza tal-Wirt Kulturali u Heritage Malta).  Il-proġett ta’ studju hu mifrux fuq ħames snin u huwa imsejjaħ “ Fragility and sustainability in restricted island environments: adaptation, culture change and collapse in prehistory.”

Fir-rapport tagħha l-ġurnalista tat-Times Sarah Carabott tgħid dawn il-preċiżi kelmiet :

“Malta has been hit by storms so powerful that traces in the coastal sediment remain till this very day, thousands of years later.

If such inclement weather were to hit again, it could leave its mark on infrastructure around the coastline, including the power station and reverse osmosis plants.”

It-Times tirrapport ukoll il-veduti tal-Korporazzjoni Enemalta u tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Kelliema għal dawn il-Korporazzjonijiet qalu li l-faċilitajiet in kwistjoni (power station u impjanti tar-reverse osmosis) huma safe. Ġew diżinjati b’mod li jilqgħu anke’ għal l-iktar maltempata qalila, qalu.

 

Ma nafx jekk tiftakrux x’ġara f’Fukushima, l-Ġappun nhar il-11 ta’ Marzu 2011. Il-bini tal-impjant nuklejari  kien b’saħħtu, iddiżinjat għal kontra t-terrimoti. Fil-fatt il-bini ma ġarrabx l-anqas ġirfa bħala riżultat tat-terrimot. Imma mbagħad tħarbat bil-mewġ għoli li ġie iġġenerat bit-tsunami sussegwenti.

Il-ġeologu Ġappuniż Masanobu Shishikura nhar il-11 t’April 2011 kien rappurtat mill-ġurnal Taljan Il Sole 24 Ore li kien ippreveda dan it-tsunami a bażi ta’ oħrajn li seħħew mijjiet ta’ snin ilu bejn 500 u 800 sena ilu.

Dan ifisser illi l-maltempati qliel li seħħew fuq Malta eluf ta’ snin ilu u li dwarhom qed jitkellem il-Professur Schembri m’hemm xejn li jżomm milli jerġgħu jseħħu. Ovvjament tajjeb li l-Korporazzjonijiet jgħidulna kemm aħna ippreparati. Imma probabbilment li m’aħna ippreparati xejn għal diżastru naturali li s’issa m’għandna l-ebda ideja dwar il-qilla tiegħu meta seħħ eluf ta’ snin ilu.

It-traffiku: l-Gvern jaqbad il-problema minn sormha

 

buttocks 3

 

Meta l-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi kien qed jitkellem f’konferenza stampa fir-Rabat qal li kien ser jippreżenta għall-konsiderazzjoni tal-Kabinett dokument ta’ policy dwar il-parking. Dan qalu huwa u jinawgura skema ta’ park and ride fir-Rabat li qed issir b’koordinazzjoni bejn diversi restoranti biex jipprovdu parking għall-klijenti tagħhom.

X’ser ikun fiha din il-policy m’għandix idea, pero’ naħseb li  l-Gvern mhux mill-parking għandu bżonn jibda, iżda min-numru ta’ karozzi fit-triq li jeħtieġ li jonqsu. Mhux policy dwar il-parking hemm bżonn imma policy dwar dawk l-inċentivi li huma neċessarji biex inqas nies jagħmlu użu minn karozzi privati. Hemm ħafna x’jista’ jsir dwar dan, imma s’issa kemm il-Gvern kif ukoll Transport Malta huma siekta dwar dan.

Ir-riforma tat-transport pubbliku għandha bżonn ta’ għajnuna biex tirnexxi, għajnuna li tiġi biss b’inċentivi li jħajru n-nies iwarrbu l-karozzi privati. U la bil-parking u l-anqas bil-proġetti li jixorbu l-miljuni.

Demgħat tal-Milied u dmugħ tal-kukkudrilli

tears

Jixterdu ħafna demgħat  f’dawn il-ġranet. Id-diskorsi li jsiru jemfasizzaw il-ħtieġa tas-solidarjetà ma min għaddej minn tbatija. Il-Papa Franġisku emfasiżża t-tbatija tal-Insara ippersegwitati f’Mosul kif ukoll dak li għaddejjin minnu minoritajiet etniċi f’diversi partijiet tad-dinja.

Ankè l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca f’messaġġ imqanqal tkellmet kontra l-faqar. Huwa immorali, qalet il-President, li nibqgħu siekta meta nkunu iffaċċati b’theddid għall-ħajja u attakki kontra d-dinjità umana.

Id-diskorsi tal-Papa u  tal-President ta’ Malta f’Jum il-Milied inisslu demgħat ġenwin,  demgħat li jirriżultaw minn solidarjetà. Imma jgħaddu ftit ġranet (jekk mhux ftit siegħat) u ħafna jinsew kollox.

Id-demgħat tal-Milied ta’ uħud malajr isir dmugħ tal-kukkudrill. L-ispirtu tal-Milied hemm bżonnu ghal 365 ġurnata, kontinwi u bla waqfien.crocodile tears4

Il-Milied it-tajjeb

hand in hand

Hu tajjeb li dawn il-ġranet ikunu dejjem iktar festa ta’ solidarjetà. Imma is-solidarjetà huwa meħtieġ li tinfirex b’mod konsistenti matul il-bqija tas-sena ukoll.

Għax is-solidarjetà u s-sliem huma l-unika sinifikat veru ta’ dawn il-ġranet. Mhux xieraq li f’dawn il-ġranet nuża l-ispazju għal argumenti u polemiċi. Avolja anke s-solidarjetà u s-sliem huma sors ta’ polemika.

Il-Milied it-Tajjeb.

Il-kunflitti tal-Milied

sd goals

 

Il-festa tal-Milied hi okkażjoni ta’ kuntrasti u konflitt bejn valuri differenti.

Fuq naħa s-solidarjetà, fuq in-naħa l-oħra l-ħela u l-kunsum esaġerat.

L-appelli għas-solidarjetà f’dawn il-ġranet tal-Milied mill-mexxejja tal-pajjiż (kemm dawk ċivili kif ukoll dawk reliġjużi) bħal donnu jwassal il-messaġġ li s-solidarjetà  hi attività ristretta għal dawn iż-żminijiet. Mhiex l-intenzjoni tal-mexxejja li jwasslu messaġġ ta’ din ix-xorta, imma sena wara l-oħra dan hu l-messaġġ li sfortunatament qiegħed jasal.

Avolja f’dawn il-ġranet nitkellmu dwar dawk li huma inqas ixxurtjati, ftit nirriflettu fuq il-fatt li m’hemm l-ebda xorti assoċjat mal-faqar. Għax il-faqar hu maħluq mill-bniedem matul il-ġranet l-oħra tas-sena. Il-ħolqien tal-faqar jieħu break qasir fil-ġranet tal-Milied! Is-solidarjetà hi attivita li għandna neżerċitaw f’kull waħda mill-ġranet tas-sena. M’għandniex nagħtu l-impressjoni li din għandha tkun limitata għall-ġranet tal-Milied.

Huwa f’dan is-sens li għandna nħarsu lejn l-istrateġija kontra l-faqar, strateġija li nieda l-Gvern f’dawn il-ġranet. Dan ukoll huwa l-iskop tal-Oġġettiv numru wieħed minn 17 li l-Ġnus Magħquda preżentment qed tikkunsidra fil-proposta dwar Sustainable Development Goals, diskussjoni utli li qed issir fuq skala internazzjonali.

Dawn humal-konflitti li tpoġġilna quddiemna s-soċjeta tal-lum f’dawn il-ġranet tal-Milied. Il-Milied it-tajjeb, tul is-sena kollha.

Louis Galea u r-Reshuffle fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat

Louis Galea ECAEuropean Court of Auditors 2014

 

Diversi, fosthom il-maltarightnow.com  qed jispekulaw li ser issir reshuffle fil-Kabinett dal-waqt biex jinħoloq post ħalli jerġa’ jinħatar Manwel Mallia bħala Ministru.

Dan hu possibli li jsir. Imma waħda mir-raġunijiet li qed tissemma biex tiġġustifika għaliex ser ikun hemm reshuffle hi l-post Malti fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropeja fil-Lussemburgu.

Preżentement hemm Louis Galea, li kien inħatar f’Mejju 2010. Qablu kien hemm Josef Bonnici li dam fil-ħatra bejn Mejju 2004 u Mejju 2010, jiġifieri sitt snin. Dan ifisser li l-ħatra tal-Louis Galea hi għal sitt snin. Allura l-ħatra mill-Gvern Malti tas-suċċessur ta’ Louis Galea ma tidħolx fis-seħħ f’Mejju 2015, iżda f’Mejju 2016.

Ovvjament jekk ser issir reshuffle dal-waqt mhiex ser issir minħabba s-suċċessur ta’ Louis Galea!