Id-diskors ta’ Simon Busuttil il-bieraħ inissel reazzjonijiet differenti. Jingħoġob minn uħud u dejjaq lil oħrajn. Joseph Muscat jgħid li kien diskors negattiv. L-Illum online tgħid li dan l-istil użat minn Simon Busuttil hu wieħed ċiniku, jiġifieri li ma jara xejn tajjeb imkien. Ma naħsibx li hu korrett li jingħad la li kien diskors negattiv u l-anqas li kien wieħed ċiniku
Hu ċar li l-istil li uża l-bieraħ Simon Busuttil mhux l-istil normali tiegħu. Probabbilment hu dak li qed jirriżulta mit-taħriġ li qed jingħata dwar kif għandu jwassal il-messaġġ tiegħu għand dawk li qed jistennewh.
L-istil ta’ konfront li l-Kap tal-Opposizzjoni għażel il-bieraħ hu it-trademark inevitabbli tal-politika ta’ żewġ partiti. L-istil ta’ “aħna” u “huma”. L-istil ta’ żewġ tribu li jipprietkaw lil xulxin x’għandu jsir imma qatt ma jgħidu li meta kellhom l-opportunita, dak li jipprietkaw mhux dejjem ipprattikawh.
Dan huwa stil li bih il-kritika għall-ħidma tal-Gvern issir bl-użu ta’ aġġettivi kultant iebsa ħafna. Ovvjament qed iwieġeb b’lingwaġġ kważi identiku għal dak li juża Joseph Muscat f’okkazjonijiet oħra.
Dan il-linġwaġġ fil-fehma tiegħi l-anqas għall-każini politiċi m’hu addattat, imma sfortunatmaent huwa l-uniku linġwaġġ li jinftiehem mill-parti l-kbira tal-partitarji tal-PN u l-PL. Għax hekk draw.
Filwaqt li ma nahsibx li l-Kap tal-Oppozizzjoni rnexxielu jikkonvinci lil dawk ta’ barra l-PN, fl-istess hin nissel dubji lil dawk ta’ barra l-PN dwar it-tmexxija tal-Gvern bhal fil-kaz tas-salarji li qed jittiehdu minn certu nies.