Fuq il-passi ta’ Anġlu Farrugia

anglu-farrugia2

 

Meta Anġlu Farrugia lejlet l-Elezzjoni Ġenerali qabeż il-linja u ikkritika b’mod mhux aċċettabbli lil waħda mill-Maġistrati, Joseph Muscat ġiegħlu jwarrab minn Deputat Mexxej tal-Partit. Kien hemm ħafna kummenti dwar dan. Joseph, dakinnhar xejn ma skrupla jakkuża, u jiddeċiedi. Insista li Anġlu kellu jerfa’ r-responsabbilta’ politika u jwarrab. U baqa’ sakemm warrab.

Il-każ ta’ Manwel Mallia mhux identiku bħal dak ta’ Anġlu imma huwa ukoll każ fejn hemm ħtieġa li tintrefa ir-responsabbilta politika għal dak li ġara bil-karozza uffiċjali tal-Ministru.  Min-naħa l-waħda qed ikun dejjem iktar ċar x’ġara u min-naħa l-oħra qed ikun iktar ċar x’intqal. Illum, per eżempju nafu aħjar kif kien hemm min ipprova jisgwida lill-gazzetti billi għaddilhom informazzjoni mhux korretta dwar kif u għaliex seħħet l-isparatura. Imma l-giddieb għomru qasir għax malajr bdew jindunaw x’ġara tassew.

Ir-responabbilta’ politika trid tintrefa anke minn Manwel Mallia. L-impatti politiċi fuq min ikun ġenwin u jerfa’ ir-responsabbilta’ tiegħu mill-ewwel, fit-tul ikunu pożittivi. Min-naħa l-oħra min jirreżisti li jagħmel dmiru u  ma jkunx irid jerfa’ r-responabbiltajiet tiegħu ibati biex jirkupra. L-effetti politiċi fuqu jkunu ikbar. Dejjem hekk ġara. Għax raġel veru hu raġel dejjem.