Manwel Mallia u s-saba’ fuq il-grillu

finger on the trigger

 

Hemm mument fil-politika meta l-politku jkollu jerfa’ r-responsabbilta politika għal dak li għamel ħaddieħor.  Wieħed minn dawn il-mumenti ċari, għalija, huwa meta jiżbaljaw dawk il-persuni ta’ fiduċja li l-politiku jaħtar madwaru.

Huwa mument diffiċli ħafna fejn il-kuxjenza tal-politiku responsabbli tiddettalu dak li għandu jagħmel.  Il-kuxjenza tal-politiku f’ċirkustanzi bħal dawn jew taġixxi waħedha inkella tqum mir-raqda, jekk tkun xprunata mill-opinjoni pubblika.

Din hi is-sitwazzjoni li qiegħed fiha Manwel Mallia.

Fl-opinjoni tiegħi hu meħtieġ li jifhem illi anke jekk ma kienx is-saba’ tiegħu fuq il-grillu tal-arma tax-xufier-pulizija tiegħu xorta għandu responsabbilta’ politika għal dak li ġara. Għax ix-xufier-pulizija hu persuna tal-fiduċja tiegħu.

L-inkjesti u l-logħob bil-kliem f’dan l-istadju m’huma ser isolvu xejn. Jekk irridu infittxu insibu bosta eżempji ta’ politiċi li mxew sewwa għax irreżenjaw u ta’ oħrajn li mxew ħażin għax ma warrbux. Eżempji li insibuhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Manwel Mallia jifforma parti minn Gvern li ddikjara bla tlaqliq li jrid imexxi l-quddiem politika differenti. Politka responsabbli.

Jekk irid ikun onest mal-kuxjenza tiegħu Manwel Mallia m’għandux wisq ta’ għażla x’jagħmel. Triq waħda hemm, li jirreżenja.