Il-Budġet 2015: l-ewwel reazzjoni ta’ Alternattiva Demokratika

budget-briefcase

Mil-lat pożittiv, it-tnaqqis tad-dritt għall-benefiċċji soċjali bil-mod il-mod għal min jidħol fid-dinja tax-xogħol jew għat-taħriġ, minflok ma dawn jinqatgħu f’daqqa, hija miżura tajba.  L-għajnuna finanzjarja addizzjonali  lill-ġenituri li għadhom qed jrabbu hija miżura ta’ min ifaħħarha.

Iż-żieda fil-ħlasijiet għal-leave tal-maternità, partikolarment għan-nisa self employed, hu  pass tajjeb ‘l quddiem.  Nixtiequ, iżda, li l-limitu propost tal-minimum wage jitneħħa.

Il-miżuri kontra l-prekarjat u biex jittaffa l-faqar huma pożittivi.

L-istess il-fatt li l-Gvern finalment neħħa il-ħtieġa għall-importaturi ta’ apparat elettriku u elettroniku li s’issa kellhom ir-responsabbilta’ doppja għall-iskart iġġenerat mill-apparat li huma jimpurtaw.  L-intrroduzzjoni ta’ din il-miżura ilha tigi posposta 7 snin.  Issa l-impurtaturi ta’ apparat elettriku u elettroniku se jkunu responsabbli b’mod sħiħ u dirett huma stess għall-ġbir u riċiklaġġ tal-iskart elettriku u elettroniku.

L-obbligu li min iħaddem irid jimpjega persentaġġ ta’ persuni b’diżabilita’ ilu jeżisti sa mis-snin sittin.  Nistennew li issa jsir l-infurzar ta’ dan kif suppost.

L-inċentiv fiskali għall-kumpaniji li jagħtu donazzjoni ta’ iktar minn €2000  lill-Community Chest Fund hija miżura pożittiva, imma mhux sew li din tkun limitata biss għan-negozjanti. Għandha tkun estiża għal kulħadd. Anki min jaghti donazzjonijiet lil NGOs reġistrati għandu jingħata l-istess benefiċċju.

It-tnaqqis ta’ 15% mit-taxxa lil dawk li jinvestu f’pensjoni privata (it-tielet pilastru) ukoll hija tajba, imma din jistgħu jgawdu minnha biss dawk li jistgħu jħallsu għal pensjonijiet privati. Il-Gvern kien messu kkonċentra fuq il-pensjonijiet tat-tieni pilastru, li jinqasmu bejn il-Gvern, il-ħaddiema u min iħaddem.

Iż-żieda fit-taxxa fuq prodotti li jagħmlu l-ħsara, bħas-sigaretti u spirti, hija xi ħaġa ġusta.

Iż-żieda redikola ta’ 58 ċenteżmu fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja ma tirriflettix iż-żieda vera fil-għoli tal-ħajja, li  ġiet effettwata statistikament bit-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

X’qiegħed jiġri fil-Power Station il-ġdida ta’ Delimara.  Huwa inaċċettabbli li Malta se tkun qed tixtri l-energija bi prezz li hu d-doppju tar-rata preżenti tas-suq.

Rigward it-trasport pubbliku, jeħtieġ li nkunu nafu t-termini tal-ftehim ma’ Autobuses de Leon. Il-budget kellu jagħti informazzjoni iktar dettaljata ta’ dawk il-policies li ser jaddotta l-Gvern biex iħajjar aktar nies jużaw it-trasport pubbliku.

Dwar it-trasport sostenibbli, għalkemm l-inċentivar tar-roti u tar-roti elettrici, ghalkemm b’rata minima, huwa bidu tajjeb, li hemm bżonn huwa investiment f’infrastruttura tajba għal din il-forma ta’ trasport alternattiv. Fl-istess nifs li l-Gvern jgħid li jrid inaqqas it-traffiku, jgħid ukoll li jrid iżid il-parkeġġ – xhieda li l-Gvern m’għandux politika ċara fil-qasam tat-trasport.

Il-komunitajiet lokali għal darba oħra baqgħu bl-istess budget li ilhom bih għal dawn l-aħħar snin. Minkejja r-retorika politika l-Kunsilli Lokali għal darba oħra mhux se jkollhom bizzejjed flus biex jaqdu l-ħtiġijiet bażiċi tal-komunitajiet tagħhom. L-anqas m’hemm indikazzjoni jekk il-Kunsilli Lokali humiex se jibdew jdaħħlu l-fondi mill-liċenzji tal-ħwienet u liċenzji oħra.

 

Rigward it-taxxi, filwaqt li t-taxxa tad-dħul reġgħet tnaqqset għal darb’oħra għal dawk li jaqilgħu bejn €19500 u €60000 dan wassal għal żieda f’taxxi oħra indiretti, kif kienet ipprevediet AD qabel l-elezzjoni fil-kritika li għamlet dakinnhar għal din il-miżura. Dawk li jaqilgħu paga minima qed jiġu aġevolati b’miżuri soċjali iżda għandna naslu biex ikun hemm reviżjoni perjodika tal-paga minima, għax hija paga diċenti li fl-aħħar mill-aħħar tagħti dinjita lill-ħaddiema.

Il-Gvern naqas ukoll milli jindirizza l-kwistjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa (jew rati preferenzjali ta’ taxxa) għal kumpaniji barranin. Wara l-Lussemburgu u l-Olanda, l-Unjoni Ewropeja diġa bdiet tinvestiga l-inċentivi fiskali li Malta toffri lil kumpaniji barranin biex joperaw ġewwa Malta.  L-issue li għandu jkun hemm level playing field għal kulhadd f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tassazzjoni ma jistax jingħata l-ġemb.