Matul il-ġranet li għaddew segwejna l-informazzjoni żvelata dwar il-Lussimburgu. Kif l-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiż, fiż-żmien li Jean Claude Juncker kien Prim Ministru innegozjaw ma numru ta’ kumpaniji kbar status fiskali li permezz tiegħu setgħu “jiffrankaw” biljuni kbar f’taxxi.
Din li jiffrankaw fil-fatt ma hi xejn għajr evazjoni legalizzata tat-taxxa. Biex ma jħallsux taxxa f’pajjiż jagħmlu użu mil-liġijiet ta’ pajjiż ieħor. Għal min hu fil-business dan hu aċċettabbli. Fil-fatt meta kien ippressat mill-istampa Jean Claude Juncker qal li dak li ġara kien legali imma jifhem li mhux aċċettabbli etikament.
Għax il-politika m’għandiex x’taqsam biss mal-liġi. Dak li hu legali mhux dejjem huwa aċċettabbli. Fil-prattika, l-Lussimburgu taħt it-tmexxija ta’ Juncker għamlitha possibli lil numru ta’ multinazzjonali jħallsu ħafna inqas f’taxxi. Dan hu etikament ħażin. Għax ċaħħdet lill-pajjiżi fejn joperaw dawn il-kumpaniji minn taxxi li kienu meħtieġa għal programmi soċjali f’dawk il-pajjiżi.
L-argumenti politiċi li jinġiebu s’issa huma dawk dwar il-kompetizzjoni fiskali. Jiġifieri li ġaladarba t-tassazzjoni hi kompetenza tal-istati membri fl-Unjoni Ewropeja, x’rati ta’ taxxa jitħallsu u minn min hu determinabbli biss individwalment mill-istati membri tal-Unjoni Ewropeja.
Imma issa hemm min qed jargumenta li meta pajjiż jagħti status fiskali privileġġjat lil dawn il-kumpaniji biex jiġbdhom lejn il-pajjiż, idaħħal ftit taxxi minn fuqhom kif ukoll joħloq numru ta’ impiegi konnessi mar-reġistrazzjoni u l-amministrazzjoni tal-kumpaniji, dan kollu hu għajnuna mill-istat (state aid) liema għajnuna mhiex aċċettabbli.
Għalhekk fetħet investigazzjoni dwar il-Lussimburgu li qed titmexxa mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, id-Daniża Margrethe Vestager.
Hu inevitabbli li dan kollu f’xi stadju ser iħalli impatt fuq is-settur finanzjarju f’Malta. Huwa magħruf li bosta xogħol f’dan il-qasam ġie f’Malta minħabba pakkett ta’ inċentivi li jinkludi rati ta’ taxxa favorevoli ħafna. Fi ftit kliem dawn il-kumpaniji ġew hawn għax jaqblilhom. Jaqblilhom għax iħallsu ftit taxxi ħdejn li jkollhom iħallsu f’pajjiżi oħra. Bħala riżultat ta’ dan qed jagħtu kontribut lill-ekonomija tal-pajjiż kif ukoll qed jiġġeneraw numru mhux żgħir ta’ impiegi.
Il-problema hi li dan kollu huwa ibbażat fuq l-evażjoni tat-taxxa f’pajjiżi oħra. Hi problema li rridu niffaċċjaw fix-xhur li ġejjin meta l-Kummissjoni Ewropeja tiddeċiedi jekk tiftaħx investigazzjoni dwar Malta kif ukoll dwar pajjiżi oħra fosthom l-Irlanda u dan wara li tiżviluppa ftit ieħor l-investigazzjoni dwar il-Lussimburgu.
Tajjeb li l-istat Malti jiġġieled f’Malta kontra l-evażjoni tat-taxxa. Imma imbagħad hi ipokrezija politika li Malta tfittex li tibbenefika mill-evażjoni tat-taxxa f’pajjiżi oħra. Jew aħna kontra l-evażjoni jew m’aħniex! Ma nistgħux inkunu kredibbli bħala pajjiż jekk nibqgħu niżviluppaw l-ekonomija tagħna fuq l-evażjoni tat-taxxi f’pajjiżi oħra. L-ekonomija u l-etika għandhom jimxu id f’id.