Ħafna qabel Marzu 2013, Alternattiva Demokratika kienet favur il-finanzjament tal-Partiti Politiċi mill-istat. Dak iż-żmien anke l-Partit Laburista kien jinsisti li l-istat kellu jiffinanzja lill-partiti politiċi f’Malta.
Qabel Marzu 2013 kien biss il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li kien kontra li l-istat jiffinanzja l-partiti politiċi.
Wara Marzu 2013 il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista bidlu l-fehmiet tagħhom.
Il-Partit Laburista m’għadux favur iżda sar kontra, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista m’għadux kontra iżda sar favur.
Il-PN u l-PL draw jgħaddu ż-żmien bin-nies.
Alternattiva Demokratika biss, bħal dejjem, kienet konsistenti. Kienet favur il-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat u ma bidlitx il-posizzjoni tagħha.
Il-PN u l-PL iżda jaqblu fuq ħaġa waħda. Sa mill-1994 mit-taxxi tagħna jieħdu €100,000 kull partit kull sena. Jiġifieri l-PN u l-PL diġa qed japplikaw il-finanzjament tal-partiti politiċi mill-istat imma qed jillimitaw dan il-finanzjament lilhom infushom.
Bejniethom mill-1994 qasmu €4 miljuni. Rari ħafna nisimgħu bihom dawn il-miljuni.