Fl-Ombudsplan għall-2015 l-Ombudsman jirrimarka li l-ħatriet diretti fis-settur pubbliku [dawk li nirreferu għalihom bħala ħatriet politiċi] jistgħu jwasslu għal-nuqqas ta’ trasparenza.
Kull persuna impjegata fis-servizz pubbliku għandha tkun persuna ta’ fiduċja. L-Ombudsman fil-fatt jgħid li s-servizz pubbliku għandu jkun apolitiku u dan għax għandu jkun lejali lejn kull amminjistrazzjoni. Is-servizz pubbliku għandu jkun il-ħolqa bejn l-amministrazzjonijiet differenti u l-istrument li permezz tiegħu l-politika tal-Gvern tal-ġurnata tkun imwettqa, mhux biss b’lejalta’ lejn il-vot popolari imma fuq kollox b’ġustizzja u ekwita. Għax l-amministrazzjoni pubblika, ġdida jew qadima, hi hemm għal kulħadd. Mhiex hemm biss għal dawk li ivvutaw għaliha.
Minn mudell ta’ servizz pubbliku fuq stil Anglu-Sassonu fejn għandek servizz pubbliku permanenti mexjin lejn mudell Amerikan fejn numru kbir ta’ persuni jinbidlu mal-bidla fil-Gvern. Meta dan ma jsirx b’regoli ċari u trasparenti joħloq inġustizzji u nuqqas ta’ trasparenza.
Il-każ tal-bdil tas-Segretarji Permanenti kważi kollha mal-bidla fil-Gvern hu wieħed mill-eżempji li lkoll nafu bih. Ma ġratx biss taħt l-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat. Anke fi żmien Lawrence Gonzi kellna każijiet fejn il-Gvern ried jaħtar persuni li ried hu f’posizzjonijiet li qieshom bħala li huma ta’ fiduċja. Niftakru l-ħatra ta’ Direttur għall-Ħarsien tal-Ambjent u ta’ Chief Executive tal-MEPA li qabel l-2013 kienu nħatru direttament mill-MEPA bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-Ambjent u dan mingħajr sejħa għal applikazzjonijiet. Il-Gvern ta’ dakinnhar ma kienx qabel mar-rapporti tal-Perit Joe Falzon (Uffiċjal tal-Verifika tal-MEPA) li kien qal b’mod ċar li dawn it-tip ta’ ħatriet ma kienux korretti.
L-Ombudsman jemfasizza li l-ħatriet f’ position of trust (ħatriet politiċi) għandhom ikunu minimi. Wieħed jifhem li kemm is-Segretarjati Privati fil-Ministeri kif ukoll uħud mill-persuni meħtieġa biex ifasslu policies għandhom ikunu persuni ta’ fiduċja. In-numru tagħhom iżda għandu jkun ċar, limitat u regolat b’mod li kulħadd ikun jaf fejn hu.
Ma dan jiena nżid nirreferi għall-ħatriet ta’ Bordijiet u Awtoritajiet. Dawn il-ħatriet għadhom jibdew isiru wara skrutinju pubbliku [public hearing] minn Kumitat Parlamentari. Dan hu punt li temfasizza Alternattva Demorkatika fil-Manifest Elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2013. Huwa neċessarju li jkun assigurat li jkun hemm iżjed persuni kompetenti li jinħatru fil-Bordijiet u l-Awtoritajiet. Skrutinju pubbliku tal-persuni nominati jista’ jkun mod kif dan ikun assigurat.
Il-ħatriet politiċi fl-amministrazzjoni pubblika ma jistgħux ikunu eliminati. Imma nistgħu bħala pajjiż nassiguraw li l-mertu jkollu rwol ferm iktar importanti milli għandu sal-lum fil-ħatriet pubbliċi.