Il-qrun tal-politiku

Monica and Bill

 

Bħalissa hawn ħafna stejjer dwar il-qrun. Hawn min jiddeletta li jkun jaf il-qrun ta’ kulħadd. Jieħu pjaċir ixandarhom. Il-mistoqsija ta’ dejjem hi jekk il-qrun tal-politiku hux ta’ interess pubbliku.

Uħud minn dak li qed jixxandar bil-kitba jew fuq il-medja soċjali ilu li xxandar fl-aħbarijiet trasmessi fil-widnejn. Jiġifieri dak li qed jitperreċ illum ilu magħruf għal numru ta’ nies.

B’mod ġenerali l-ħajja privata tal-politiku m’hi affari ta’ ħadd. Mhux kulħadd jaqbel ma dan għax hemm min jidhirlu li min hu fil-ħajja pubblika jirrinunzja għal kull forma u xorta ta’ privatezza. Naħseb li dan m’għandux ikun.

Pero’ nifhem li hemm ċirkustanzi li f’kunflitt bejn il-privatezza u l-interess pubbliku dan ta’ l-aħħar għandu jirbaħ. Id-diffikulta hi dwar meta jkun fl-interess pubbliku li issir invażjoni tal-privatezza. Min irid ifettaq dejjem isib xi ħaġa biex biha jiġġustifika l-invażjoni tal-privatezza.

Imma l-affarijiet mhux sempliċi daqshekk.

Dejjem huma meħtieġa provi li ma jħallu l-ebda dubju li hemm interess pubbliku. Fost affarijiet oħra, per eżempju, jekk jeżistu provi ta’ abbuż ta’ poter, ta’ misapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi jew ta’ korrużżjoni jiena naħseb li invażjoni tal-privatezza tal-politiku tkun ġustifikata.

Imma l-invażjoni tal-privatezza tal-politiku m’għandhiex issir biex taqta’ l-kurżita’ taz-zekzika.

Allura irridu nistennew u naraw kif ser jiżviluppaw il-libelli li saru iktar kmieni illum dwar il-qrun li ġew imxandra. Naraw jekk dak li ntqal kienx fl-interess pubbliku jew le li jingħad. Huwa biss f’dak il-waqt li nkunu nistgħu ngħidu jekk dak li ġie ippubblikat dwar il-qrun tal-politiku hux ġustifikat jew le.

il-qrunil-qrunil-qrunil-qrunil-qrun

Fin-Naxxar: il-bye-election ta’ Karmenu Vella

Karmenu Vella bye-election

 

Nhar il-Ħamis iNews huma u jirrappurtaw l-andament tal-bye-election ta’ Karmenu Vella irrappurtaw hekk:

“12:15: Hekk kif bħalissa qed joqrob lejn tmiemu t-tielet għadd, wasal fis-sala tan-Naxxar id-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, li wkoll qed jsegwi bir-reqqa l-andament. Cacopardo wkoll kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq il-ħames distrett.”

Fil-waqt li hu minnu li nhar il-Ħamis għall-12.15pm kont fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar tajjeb li nippreċiża li s’issa għadni qatt ma ikkontestajt l-Elezzjoni Ġenerali fuq il-Ħames Distrett.

Tlajt fis-sala tal-għadd tal-voti għal xi siegħa biex nosserva mill-qrib il-voti u l-mod kif kienu qed jitqassmu l-preferenzi. Wara l-ewwel għadd l-affarijiet kienu ċari ħafna. L-għadd innifsu kien qed juri distakk ta’ madwar 350 vot bejn il-Professur Zammit u l-Farell. Imma l-voti li kien qed jakkumula Robert Bugeja kienu qed juru sa minn kmieni li dak id-distakk seta jonqos sostanzjalment inkella jisparixxi. Kif fil-fatt ġara. F’numru kbir mill-voti ta’ Bugeja l-Professur Zammit kellu bejn il-11 u t-13-il preferenza!

Għax numru mhux żgħir ta’ votanti, fir-realta’, waqt li ġeneralment jivvutaw b’mod raġunat l-ewwel erbgħa sa ħames preferenzi, ftit li xejn jagħtu każ tal-preferenzi ta’ wara. Numru żgħir ma jkomplux filwaqt li oħrajn ikomplu jagħtu l-preferenzi mingħajr xi ordni preferut. Ġeneralment jibqgħu nieżlin alfabetikament wara r-raba’ jew il-ħames preferenza. Allura s-sekwenza tal-preferenzi li jibqa’ tiddependi minn fejn ikun tniżżel in-numru 4 jew in-numru 5!

Kważi dejjem hekk ġara u din id-darba ma kienitx eċċezzjoni. Eċċezzjonijiet ftit ikun hemm u din ma kienitx waħda minnhom!

 

Meta Joseph Muscat jikkopja …………………..

Joseph Muscat 13

 

Il-pass li jmiss, qal Joseph liż-żgħażagħ Laburisti hi liġi dwar id-dikriminalizzazzjoni tad-droga (għall- użu personali).

Kien jagħmel tajjeb ukoll Joseph kieku ipprova jispjegalhom għaliex waqt il-kampanja elettorali li għaddiet ipprova jevita diskussjoni dwar dan is-suġġett. Fil-fatt, sal-lum, l-unika partit politiku  f’Malta li ħa posizzjoni ċara dwar id-dikriminalizzazzjoni tad-droga waqt kampanja elettorali kien Alternattiva Demokratika. Huwa ta’ sodisfazzjoni għaldaqstant li dwar id-dikriminalizzazzjoni tad-droga Joseph jidher li ser jimxi fuq il-passi ta’ AD. Kif wara kollox mexa fuq il-passi ta’ AD dwar id-divorzju kif ukoll dwar il-vot mas-sittax!

Kellu bżonn jimxi fuq il-passi ta’ AD fuq affarijiet oħra ukoll, bħal, ngħidu aħna, l-kmamar tal-Armier u l-kaċċa u tant affarijiet oħra!

Min jaf, forsi jasal ukoll! Għax  anke Joseph  għandu d-dritt li jikkopja.