In-Nazzjon tal-bieraħ tikkwota email ta’ ex-Ministru tas-snin tmenin li għandu rabtiet kbar maċ-Ċina. Fiha tfakkar lil min irċeviha biex ma jinsiex il-50 flixkun tal-ilma: “Don’t forget to bring me 50 bottles of water.”
Min irċieva l-email kien jaf li l-ex Ministru mhux fliexken tal-ilma ried iżda li jitħallas tal-visa li kiseb għaċ-Ċiniż li rċieva l-email.
Din hi parti mir-racket li qed tinkixef in konnessjoni mal-Leisure Clothing, il-kumpanija tat-tessuti tal-Gvern Ċiniż f’Malta.
Il-ġurnalist Joe Mikallef ma jgħidilniex jekk din l-attivita’ ġratx qabel Marzu 2013 jew wara inkella li ilha żmien u baqgħet għaddejja qiesha m’hu xejn. Dettall importanti li ma naħsibx li qabeż lil Joe Mikallef. Imma forsi fiċ-ċirkustanzi u għal raġunijiet politiċi kien jaqbel għan-Nazzjon li jitħalla barra. Għax aktar m’hu qed jgħaddi żmien jidher li kien hemm bosta persuni viċini taż-żewġ partiti l-kbar li kellhom iktar minn idea dwar x’inhu jiġri. Għal min kien qed iħawwad dan kien insurance biex jassigura li t-taħwida ddum u tinħaleb sew. Għalhekk forsi l-awtoritajiet setgħu jagħlqu għajnejhom għal snin twal.
X’imkien darba, żmien ilu, kont qrajt li l-korruzzjoni kellha tinqered bl-egħruq u x-xniexel. Jidher ċar li meta l-egħruq ikunu fil-fond ma jinqerdux, iżda jkunu jeħtieġu ħafna iktar ilma: mhux inqas minn 50 flixkun.
Il-fliexken tal-ilma: sparkling jew still?
Nahseb li fizzy!
Forsi Perrier, hux.