L-istorja dwar il-fabbrika taċ-Ċiniżi qed tiżviluppa ftit ftit.
Il-Leisure Clothing hi kumpanija tat-tessuti tal-istat Ċiniż. Jidher li ilha topera Malta mis-snin 80. Hemm madwar 260 ħaddiem ażjatiku (prinċipalment Ċiniżi) jaħdmu fiha.
Jidher li saret investigazzjoni fl-2007 li qed jingħad li ma sabet xejn ħażin fil-fabbrika. In-Nazzjon f’dawn il-ġranet irrappurtat li l-ħaddiema barranin tal-Leisure Clothing qed jaħdmu f’kundizzjonijiet ħżiena u li l-awtoritajiet mhux biss qed jagħlqu għajnejhom imma ukoll li kien hemm pressjoni politika biex investigazzjoni li kienet għaddejja titwaqqaf. Qed jingħad ukoll li dawn il-ħaddiema qed joqgħodu ġo Ħal-Far u li meta ġew Malta d-diriġenti tal-fabbrika ħadulhom il-passaporti u dokumenti ta’ identifikazzjoni biex ma jkunux jistgħu jaħarbu minn Malta.
Minkejja dak li qalet in-Nazzjon, il-Pulizija sadanittant għadhom għaddejjin bl-investigazzjoni tagħhom fejn skond rapporti diversi l-management tal-kumpanija nġabar biex jgħin f’dawn l-investigazzjonijiet.
L-Ambaxxatur Ċiniż fi stqarrija qal li ma jaf xejn.
Tony Zarb tal-General Workers Union qal li hu jikkummenta meta tkun konkluża l-investigazzjoni li qed tagħmel il-GWU dwar il-każ.
Issemmew ukoll xi persuni prominenti bħala li b’xi mod setgħu kienu involuti. Dan ikompli jħawwad l-imħuħ kif ukoll jitfa dell kbir fuq l-awtoritajiet tal-pajjiż.
Dan kollu jwassal għal diversi mistoqsijiet inevitabbli.
Kif inhu possibli li jseħħu dawn l-affarijiet taħt għajnejn kulħadd u donnu li għal żmien twil ma jinduna ħadd?
Fid-dawl ta’ din l-ewwel mistoqsija hi inevitabbli t-tieni waħda: min kien qed jipproteġi lil min? It-tielet mistoqsija hi ukoll waħda loġika: min hu wara din l-operazzjoni kollha?
Il-gazzetti u l-media soċjali qed jippruvaw iwieġbu (kulhadd bil-mod tiegħu) dawn il-mistoqsijiet, u oħrajn. Huwa importanti ħafna iżda li nkunu nafu l-fatti kollha u dan malajr kemm jista’ jkun.
Kulħadd huwa interessat li jkun jaf jekk kienx hemm xi ħadd fl-awtorita’ li nxtara kif ukoll jekk hemmx Maltin involuti f’din l-operazzjoni u jekk dan hu l-każ min huma.
Sadanittant għadni kif qrajt xi kummenti ta’ ħaddiema Maltin fil-fabbrika li qalu li quddiemhom il-ħaddiema Ċiniżi qatt ma kienu trattati ħażin.
Imma kif ġustament ikkummenta Norman Vella fuq il-blog tiegħu, l-istorja tinten sewwa. Għax biex iġġib il-barranin jaħdmu fuq linja ta’ produzzjoni li biex tkun kompetittiva tirrikjedi pagi baxxi, (tant li l-fabbriki Maltin tat-tessuti għalqu kollha) bilfors kien hemm l-intenzjoni ta’ ħlas ta’ pagi miżeri. Kif jgħid Norman Vella : kemm taħsbuna boloħ?
Irridu nistennew biex naraw eżattament x’ġara. Jekk huwiex każ ivvintat jew rappurtaġġ esaġerat, inkella jekk hux każ ta’ abbuż li nżamm mistur sa issa minħabba li nxtraw l-awtoritajiet.
M’hemmx wisq x’tagħżel: jew waħda inkella l-oħra.
Bħal dejjem il-qasba ma iċċaqċaqx għalxejn. Niftakru kif bdiet l-istorja: ħaddiema Ċinizi tal-fabbrika Leisure Clothing nqabdu fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta jippruvaw jaħarbu b’passaporti foloz. Meta interrogawhom il-Pulizija ħarġet din l-istorja kollha.
Dan kollu jwassalni biex nikkonkludi li probabbilment hemm l-abbużi, li dawn ilhom għaddejjin u li xi ħadd għamel ħiltu biex jostor dak li ġara. Għalfejn?
Dalwaqt nisimgħu l-kor ikanta: “mhux jien”.