Fir-Repubblika tal-Aħrax tal-Mellieħa

Armier shanty town

 

Fir-Repubblika ta’ l-Aħrax tal-Mellieħa s’issa ingħata l-messaġġ li hemm liġijiet differenti mill-bqija ta’ Malta.

Filwaqt li f’Malta ma tistax tapplika għal meter tal-elettriku (jew tal-ilma) jekk il-bini fejn tkun trid tistalla l-meter ikollu xi illegalita, dan ma japplikax fir-Repubblika tal-Aħrax tal-Mellieħa. Sa issa min abbuża fl-Aħrax tal-Mellieħa ġie ippremjat. Gvern immexxi mill-PN li kontinwament fittex l-iskużi ħalli jiġġustifika li ma jagħmel xejn.

Fl-Aħrax tal-Mellieħa il-parti l-kbira tal-art hi tal-Gvern u għaldaqstant m’huwiex aċċettabbli li l-awtoritajiet għamlu 25 sena jħarsu ċċassati lejn min abbuża fid-dawl tax-xemx.

Kull ftehim li jista’ jasal għalih il-Gvern ma dawk il-persuni li bnew jew qed jokkupaw il-kmamar illegali fl-Aħrax tal-Mellieħa ikun premju lil min abbuża u jwassal il-messaġġ li l-liġi f’dan il-pajjiż mhiex l-istess għal kulħadd. Mhux aċċettabbli li jingħata l-messaġġ li fl-Aħrax tal-Mellieħa għandhom Repubblika għalihom fejn is-saltna tad-dritt (rule of law) dabet u sparixxiet.

L-art pubblika fl-Aħrax tal-Mellieħa li hi okkupata mill-kmamar illegali u li jsejħu boathouses (bla dgħajjes) għandha tirritorna lura f’idejn l-istat biex titgawda minn kulħadd. Għax id-dritt tal-aċċess għall-kosta hu ta’ kulħadd u m’għandux ikun limitat għal dawk li kkapparraw l-art.

Fl-Aħrax tal-Mellieħa għandhom bżonn jifhmu ukoll li min jikser il-liġi għandu jbaxxi rasu u jsofri l-konsegwenzi ta’ egħmilu. Flok l-iSmart meters il-Gvern għandu jibgħat il-gafef biex ikaxkar u jwarrab l-illegalitajiet. Jekk dan ma jsirx mingħajr iktar dewmien ħadd m’għandu jippretendi li f’setturi oħra u f’lokalitajiet oħra ma jkunx hemm min jippretendi li hu ukoll jagħmel li jrid.

F’Malta, Repubblika waħda fejn il-liġi hi l-istess għal kulħadd, hi biżżejjed.

 

ippubblikat fuq iNews illum l-Erbgħa 29 t’Ottubru 2014