Malta-Libja : indħil barrani minn Malta fil-Libja?

Malta Libya

 

Il-Libjani, wara li prattikament il-Kabinett kollu kien Malta qalu li ftehmu mal-Gvern Malti biex ixandru minn Malta bir-radju kif ukoll bit-televiżjoni. Aħbar li l-Gvern Malti qiegħed jiċħad.

Ma nafx lil min tista’ temmen minnhom. Il-problema hi li ftehim ta’ din ix-xorta jekk seħħ joffri target f’pajjiżna ukoll bħala parti mill-gwerra ċivili li presentment għaddejja fuq l-art Libjana.

Filwaqt li hu għaqli li nsegwu dak li hu għaddej fil-Libja kif ukoll li noffru kull għajnuna biex il-kunflitt jintemm fl-iqsar żmien possibli hu ċar li nagħmlu x’nagħmlu jistgħu jinħolqu bosta diffikultajiet. Għax fil-waqt li min niftehmu miegħu jieħu pjaċir, in-naħa l-oħra fil-gwerra ċivili ovvjament tara ftehim ta’ din ix-xorta bħala indħil barrani.

Iżjed mal-kunflitt idum, iktar hemm ċans li nidħlu bejn il-basla u qoxritha. Is-sitwazzjoni għal Malta hi waħda perikoluża. Iktar u iktar jekk joħorġu sinjali kunfliġġenti bħal dan dwar ix-xandir Libjan.

 

Konrad Mizzi tfixkel f’ilsienu

Konrad Mizzi

Hemm ħafna x’jeħtieġ li jkun iċċarat fil-kuntratt dwar il-pannelli fotovoltajiċi li ssemma fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra mill-Ministru Konrad Mizzi.

Il-kuntratt jikkonċerna t-tqegħid tal-pannelli fotovoltajiċi fuq bini pubbliku. Dan il-kuntratt, li ngħata qabel l-elezzjoni ta’ Marzu 2013, kien jipprovdi biex isir ħlas għall-elettriku ġġenerat  permezz tal-pannelli għal 25 sena bir-rata garantita ta’ 23 ċenteżmu-il unit. Rata li mad-daqqa t’għajn tidher ftit għolja.

Fil-Parlament il-Ministru Konrad Mizzi qal li saret investgazzjoni mill-IAID (Internal Audit and Investgations Department). Il-Pulizija intalbet tinvestiga dak li rriżulta lill-IAID. Din it-talba lill-Pulizija saret  kemm minn Konrad Mizzi kif ukoll minn George Pullicino.

Fid-diskussjoni li issa ilha għaddejja kważi ġimgħa ġew indikati uħud mill-irregolaritajiet. Fosthom dokument “stramb” maħruġ minn Bank Spanjol : document mhux iffirmat. Dan id-dokument kien jiċċertifika li l-kumpanija Spanjola li kienet involuta fit-tender bħala waħda b’saħħitha finanzjarjament. Issa qiegħed jingħad ukoll li l-Bank Spanjol li suppost ħareġ id-dokument kien diġa ġie assorbit minn Bank ieħor meta ħareġ dan id-dokument u li allura, meta suppost ħareġ dan id-dokument ma kienx għadu jeżisti bħala entita’ separata.

Min kellu x’jaqsam mal-produzzjoni ta’ dan id-dokument? Min aċċettaħ bla ma kien iffirmat?

Dawn u ħafna mistoqsijiet oħra forsi jiġu mwieġba mill-Pulizija wara li jkunu investigaw il-każ. Ta’ l-inqas hekk hu ittamat.

Imma hemm ħaġa waħda li ma nistax nifhem. Kif tista’ tinkariga lill-Pulizija biex tinvestiga u bagħad waqt li l-Pulizija tkun għaddejja b’xogħolha tippubblika biċċa mill-istorja waqt dibattitu jaħraq fil-Parlament?

Kien ikun ferm għaqli kieku Konrad għalaq ħalqu sakemm il-Pulizija ikkonkludiet xogħolha.

X’ser jikkonkludu l-Pulizija ħadd m’għandu idea, mhux biss minħabba li l-investigazzjoni għadha fil-bidu imma ukoll għax ir-rapport tal-investigazzjoni oriġinali għadu mhux ippubblikat. Nafu biss biċċiet mill-istorja, l-biċċiet li Konrad ħassu komdu li jisvela. Dan għamlu biex ikun jista’ jattakka lill-avversarji politiċi għax ħassu skomdu ħafna jiddefendi ruħu dwar il-fatt li l-wegħda biex il-Power Station bil-gass tkun lesta sa Marzu 2015 mhux ser tkun imwettqa.

Għalija m’huwiex ċar jekk hux każ ta’ korruzzjoni inkella ta’ amministrazzjoni ħażina. It-tnejn huma ta’ gravita u jeħtieġ li jkunu indirizzati b’severita’. (Dan kollu apparti dak li ġara biex ġie prodott id-dokument mhux iffirmat!) Mill-kummenti li għadda fil-Parlament donnu li Konrad diġa iddeċieda x’ġara u min hu responsabbli!

Is-serjeta’  kienet titlob li l-Ministru jaġixxi b’mod li jħalli lill-Pulizija spazju biex jagħmlu xogħolhom sewwa. Ħaġa li l-Ministru Konrad Mizzi sfortunatament ma kienx kapaċi jagħmel. Konrad tfixkel f’ilsienu.