Enerġija : wegħdiet mhux imwettqa

Marsa Power Station

Il-kritika li qed nagħmlu lill-Partit Laburista li ma żammx il-wegħda elettorali prinċipali tiegħu li sa Marzu 2015 ikollu impjant jaħdem bil-gass biex jiġġenera l-enerġija elettrika hi kritika ġustifikata. Imma kif ktibt il-bieraħ fuq dan il-blog jista’ jkun li beda jinħema l-ħsieb illi l-gass, flok ma jinġieb bil-vapuri jtwassal Malta bil-pipeline. Jekk dan jirriżulta, ikun każ ta’ żvilupp pożittiv (fl-aħħar). Għadu iżda kmieni kemm biex dan ikun konfermat kif ukoll biex inkunu nafu x’wassal għal din iċ-ċaqlieqa, dejjem jekk dan il-pass iseħħ rejalment.

Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista, fil-waqt li jitkellmu dwar dak li wiegħed il-Labour u ma’ wettaqx ftit li xejn jgħidulna għaliex il-wegħdiet Nazzjonalisti dwar l-egħluq tal-Power Station tal-Marsa baqgħu ma twettqux.

L-ewwel darba li saru dawn il-wegħdiet kien fl-1992 meta ġiet inawgurata l-ewwel fażi tal-Power Station ta’ Delimara. Dakinhar, minkejja li l-Gvern immexxi mill-PN kien waqqaf l-użu tal-faħam fil-Power Station tal-Marsa, xorta kien hemm problema kbira ta’ tniġġiz tal-arja fil-Marsa u l-inħawi residenzjali fil-madwar. Is-snin gerbu u minkejja l-wegħdiet anke l-PN fil-Gvern, bħall-Labour ma wettaqx dak li wiegħed.

Waqt in-negozjati biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropeja kienet saret emfasi min-naħa tal-Unjoni Ewropeja li l-impjant li jiġġenera l-elettriku fil-Marsa kellu jagħlaq malajr kemm jista’ jkun. Iżda l-PN fil-Gvern filwaqt li qal iva baqa’ ma għamel xejn.

Fl-2013, wieħed u għoxrin sena wara li saret il-wegħda l-ewwel darba, il-PN spiċċa mill-Gvern u l-wegħda li l-Power Station tal-Marsa tagħlaq baqgħet ma twettqitx.

Eżempju ieħor li anke fil-qasam tal-enerġija m’hemmx differenza bejn il-PN u l-Labour. It-tnejn iwegħdu u ma jwettqux. Il-politika ta’ żewġ partiti fniet lil dan il-pajjiż .