George Pullicino: Ministeru li mexa fuq ir-rubini

George Pullicino + dog

 

George Pullicino għamel sewwa li talab lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga dak li qal dwaru Konrad Mizzi. Hekk sewwa, għax Konrad m’għandu l-ebda dritt jitfa’ dell fuq ir-reputazzjoni ta’ George.

Għax ir-reputazzjoni ta’ George dejjem kienet ċara. Jekk qatt kien hemm xi dubju dwar dan Konrad qatt ma’ kellu dritt jindaħal. Hemm diversi li jistgħu jagħtu xhieda dwar x’reputazzjoni għandu (u kellu) George.

George għamel bħalma għamlu l-Ministri kollha Maltin, ta’ kull żmien. Dak li jiġi tajjeb jassigura ruħu li jieħu l-mertu tiegħu huwa imma dwar dak li jiġi mgħawweġ jagħti t-tweġiba standard: “mhux jien”.

Ovvjament li r-responsabbilta’ politika mhiex fid-dizzjunarju ta’ Pullicino għax kieku kien jagħraf iġorr il-piż politiku tad-deċiżjonijiet kollha li ittieħdu mill-Ministeru tiegħu. Kemm dawk li ħadhom direttament hu kif ukoll dawk li ħaduhom l-impjegati fid-diversi awtoritajiet u/jew dipartimenti li kien imexxi bħala Ministru.

Li tippriedka r-responsabbilta politika huwa tajjeb. Imma dwar kemm temmen dak li tkun qed tgħid inkunu nafu fis-siegħa tal-prova.

It-tricks li jilgħabu uħud fil-politika meta jitolbu lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga l-egħmil tagħhom issa drajnihom. Il-problema mhiex ir-responsabbilta’ kriminali imma r-responsabbilta’ politika.

Il-Kummissarju tal-Pulizija mhux ser jagħti opinjoni dwar jekk it-tmexxija tal-Ministeru ta’ Pullicino kienet fuq ir-rubini. Dik l-opinjoni jistgħu jagħtuha dawk li ħadmu fil-viċin tiegħu. Fid-dell tal-arroganza.

Advertisements