Konrad fuq l-Orient Express : bejn Shanghai u Delimara

Murder on the Orient Express

Id-dibattitu fil-Parlament dwar il-power station tal-gass f’Delimara hu eżerċizzju ta’ logħob bil-kliem.

Qal li ser jirreżenja jew ma qalx?

Skond Simon hi ċarissima. Skond Joseph qalha f’kuntest differenti.

Ir-realta’ iżda hi waħda differenti. Missitha ftit Marlene Farrugia fid-diskors tagħha fil-Parlament.

Il-Partit Laburista fl-Opposizzjoni għamel wegħda. Anzi għamel sett ta’ wegħdiet.

L-ewwel qal li l-Enemalta mhux ser tkun privatizzata. Wegħda li ma nżammitx kemm bil-ftehim li qed ikun negozjat maċ-Ċiniżi kif ukoll bil-ftehim li hu konkluż imma għadu mhux iffirmat mal-Electrogas. Għax il-produzzjoni tal-enerġija mhux ser tkun f’idejn il-Korporazzjoni Enemalta.  Il-produzzjoni tal-enerġija ser tkun ipprivatizzata bl-agħar mod possibli. Ser insiru kolonja f’dak li għandu x’jaqsam l-enerġija.

It-tieni l-impjant li jiġġenera l-elettriku mill-gass kellu jkun lest sa Marzu li ġej iżda f’dawn l-aħħar ġranet kellna l-konferma li din il-wegħda ukoll mhux ser tinżamm. S’issa ħadd għadu ma spjega l-għaliex.

L-ispekulazzjoni fil-gazzetti u l-argumenti tal-Kap tal-Opposizzjoni qed jippuntaw f’direzzjoni ta’ kunflitt bejn it-tripied Enemalta-Ċiniżi-Electrogas. Jidher li hemm kunflitt qawwi bejn l-obbligazzjonijiet differenti li daħal għalihom il-Gvern.

Għalhekk Konrad qiegħed imekkek bejn Malta u ċ-Ċina: Shanghai u/jew Beijing. Huwa dwar dawn l-affarijiet li hemm bżonn spjegazzjonijiet. Spjegazzjonijiet li għadhom ma waslux. Sadanittant il-kobba tkompli titħabbel.