Il-Prim Ministru qal li m’hemmx ħtieġa li l-power station ta’ Delimara tkun bdiet topera bil-gass għax il-Gvern xorta ser ikompli jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. F’Marzu li ġej , qalilna, jikkonferma li ser jorħsu l-kontijiet għan-negozji. Tajjeb.
Ħarsu sewwa lejn l-artiklu li kitbet iktar kmieni illum Marlene Farrugia Membru Parlamentari Laburista. Il-mistoqsija li qed tagħmel Marlene jagħmilha kulħadd. Mela it-tanker fil-port m’hemmx bżonnu?
Jiena mmur pass ieħor.
Għaddew iktar minn sena u nofs u x-xogħol fuq l-impjant tal-gass għadu ma bediex. Meta wara l-elezzjoni tal-2013 kien għaddej id-dibattitu pubbliku l-Gvern ta’ Joseph Muscat kien insista li ma setax jistenna l-pipeline tal-gass għax dak idum u ried soluzzjoni ta’ malajr li seta jasal għaliha biss bit-tanker.
Iż-żmien igerbeb u t-tanker tal-gass għadu ma ġiex.
L-għaġġla donnha li issa spiċċat. Jiġifieri kien possibli li nippjanaw għal pipeline tal-gass.