L-irħula madwar l-ajruport ta’ Malta

ipp

Il-Malta Today illum irrappurtat dwar l-iżvilupp propost fl-Airport Internazzjonali ta’ Malta.

Hemm applikazzjoni pendenti għal Masterplan li tinkludi diversi binjiet.

L-impatti ikkawżati minn dan l-iżvilupp ser ikun sostanzjali fuq il-komunitajiet madwar l-Airport u ċjoe fuq l-irħula ta’ Ħal-Luqa, l-Gudja, Ħal Kirkop u Ħal-Safi.

L-iżvilupp propost ser jiġġenera ħafna iktar traffiku fid-direzzjoni tal-ajruport u per konsegwenza iktar tniġġiż tal-arja.

L-airport ta’ Malta hu airport ta’ pajjiż żgħir, daqs wieħed reġjonali fil-kontinent Ewropew,  u ma jagħmilx sens li jkun fih facilitajiet bħall-ajruporti l-kbar tad-dinja. Il-facilitajiet provduti għandhom ikunu kompatibbli mad-daqs żgħir tal-pajjiż. Għandhom ukoll jieħdu in konsiderazzjoni li tefa ta’ ġebla l-bogħod hemm erbat irħula li fihom hemm diversi negożji żgħar. Kif ser jiġu effettwati dawn in-negozji żgħar? Din mhix biss materja ta’ kompetittivita’, imma fuq kollox hi materja ta’ infrastruttura ekonomika u soċjali fl-irħula tagħna li bi proġetti bħal dawn ser titmermer b’rata aċċellerata.

Fil-ġranet li ġejjin jagħlaq iż-żmien ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-rapport li jikkonsidra l-impatt ambjentali. Imbagħad ikollna ċans li niddiskutu dan il-proġett f’iktar dettall.

L-ibliet u l-irħula tagħna għandhom bżonn inkoraġġiment biex isaħħu l-infrastruttura ekonomika u soċjali. L-iżvilupp veru ma jkissirhomx iżda jagħihom is-saħħa.