M’hemmx babaw fil-Port Ħieles

MXlokk Bay facilities

 

Uħud jidhrilhom illi meta tkun qed issemmilhom il-potenzjal tal-periklu li hemm fil-Port ta’ Marsaxlokk tkun qed tipprova tbeżżagħhom bil-babaw, jiġifieri b’xi ħaġa immaġinarja. Xi ħaġa li ma teżistix.

L-inċident li seħħ fil-Port Ħieles kmieni nhar il-Ħadd 5 t’Ottubru 2014 wara nofsinnhar huwa prova li fil-Port Ħieles m’hemmx il-babaw iżda li l-potenzjal li hemm ta’ periklu hu veru u reali. It-tromba li għaddiet minn fuq Birżebbuġa, wara, baqgħet għaddejja lejn Sqallija fejn ħalliet ħafna ħsarat warajha fl-inħawi ta’ Ragusa, Modica, Scili u Pozzallo.

Apparti li containers waqgħu qieshom kaxxi tas-sulfarini, taħt l-effett tat-tromba, ċ-ċimi fuq in-naħa tal-poppa tal-vapur inqatgħu u għal xi ħin il-vapur kien miżmum kemm kemm viċin il-moll bl-irbit min-naħa tal-pruwa. Fortunatament laħqu malajr fuq il-post il-laneċ tal-irmonk li irrimedjaw is-sitwazzjoni u b’hekk ġie evitat inċident iktar gravi.

Fi snin oħra kien hemm inċidenti simili. Taħt l-effett ta’ riħ qawwi (forza 8 u forza 9) u baħar imqalleb sewwa, iċ-ċimi ta’ vapuri fil-Port Ħieles mhux l-ewwel darba li ġibdu l-bollards minn ġol-moll. Dan mhux inċident ta’ darba kull tant.  Meta jseħħu dawn l-inċidenti jokkupaw numru ta’ laneċ tal-irmiġġ sakemm il-vapur jerġa’ jkun sigur billi jintrabat mal-moll. Jekk il-laneċ tal-irmonk ikunu okkupati fuq xogħol ieħor il-konsegwenzi ta’ inċident fejn vapur jinqala’ minn mal-moll jistgħu jkunu iktar gravi: dan għax eventwalment jinqata’ l-irbit kollu u l-vapur jitħalla fil-baħar għal riħu, fejn laqat laqat.

Meta jkun hemm it-tanker tal-gass (floating gas storage facility) permanentement fil-Port ta’ Marsaxlokk dan ikun madwar 700 metru biss il-bogħod minn vapur li jinqata’ minn mal-moll. Meta tqis li li l-parti l-kbira tal-vapuri fil-Port Ħieles għandhom tul ta’ madwar 400 metru hu ċar li mhux impossibli li jkollna inċident ta’ gravita kbira.

Għalhekk kien meħtieġ studju marittimu qabel ma tittieħed deċiżjoni li l-Power Station taqleb għal gass. Studju bħal dan mhux biss jidentifika l-problemi, jidentifika ukoll is-soluzzjonijiet. Biex studju bħal dan isir jieħu l-ħin u spejjes mhux żgħar. Dan apparti ż-żmien u l-ispejjes neċessarji biex ikunu attwati s-soluzzjonijiet.

Dan mhux babaw li jbeżża’ imma serjeta’ li kienet nieqsa fl-ippjanar tal-introduzzjoni tal-gass fil-Power Station ta’ Delimara.

Is-serjeta’ ma tbeżżax. Tmexxina l-quddiem. Hi l-injoranza biss li tinqeda bil-babaw.

Imbagħad forsi għalhekk diġa għaddew iktar minn sena u nofs u għadu ma sar kważi xejn dwar il-gass. Tgħid hemm min forsi fetaħ għajnejħ?

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s