Fil-Port Ħieles il-bieraħ waqt il-maltemp

Freeport. vapur jinqala' mill-irmigg

 

Il-maltempata tal-bieraħ għall-ħabta ta’ nofsinhar ħalliet ħsara f’diversi partijiet ta’ Malta.

Fil-Port Ħieles numru ta’ containers waqgħu minn posthom.

Bħala riżultat tal-qawwa tar-riħ, li kien jaqbel, kien hemm vapur li nqatgħulu ċ-ċimi u b’hekk ma baqax marbut sewwa mal-moll. Il-gazzetti online jiddeskrivu dan bħala mument ta’ tensjoni. Fortunatament intervjenew fil-ħin il-laneċ tal-irmonk u l-vapur reġa’ intrabat mal-moll.

Mhux l-ewwel darba li nqala’ dan it-tip ta’ incident.  Il-qawwa tar-riħ u s-saħħa tal-mewġ mhux diffiċli li tkun ferm iktar minn dik tal-bieraħ.

Xi darba, fil-viċin, madwar 700 metru l-bogħod mill-vapur li nqatgħulu ċ-ċimi, suppost li  ser ikun hemm t-tanker bil-ħażna tal-gass għall-użu tal-power station il-ġdida. Jekk vapur fil-Port Ħieles jinqatgħulu ċ-ċimi kompletament mhux impossibli li l-qawwa tar-riħ u l-mewġ iħabbtu b’saħħa ġot-tanker bil-ħażna tal-gass.

Dan huma affarijiet tal-biża’ li minkejja li tkellimna dwarhom ma ittieħdux in konsiderazzjoni meta l-MEPA ħadet id-deċiżjoni dwar il-power station.

L-istudju marittimu dwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk, kieku sar, seta jitfa dawl fuq dawn it-tip ta’ inċidenti. Dawn huma inċidenti li ġraw fil-passat u li jibqgħu jiġru.