Meta qrajt it-tweġibiet li Karmenu Vella kiteb għas-sensiela ta’ mistoqsijiet li għamlulu mill-Parlament Ewropew l-ewwel reazzjoni tiegħi kienet li Karmenu Vella qiegħed jipprova jgħaddina biż-żmien. Għax kif tista’ tispjega li membru prominenti tax-Shadow Cabinet ta’ Alfred Sant ma jaqbilx mal-Kap tiegħu fuq l-issue tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja u ma jiftaħx ħalqu?
Qabel illum qatt ma smajt lil Karmenu Vella jgħid x’jaħseb dwar l-Unjoni Ewropeja. Qatt ma smajtu jgħid li jaqbel bħalma qatt ma smajtu jgħid li ma jaqbilx.
Ma nafx kif tippretendi li tkun rispettat jekk tipprova tgħaddi ż-żmien bin-nies.
Karmenu Vella ma qalx li reġa’ bdielu matul dawn il-11-il sena mir-referendum. Ma qalx li kellu riżervi dwar l-Unjoni Ewropeja li biż-żmien iċċara l-opinjoni tiegħu dwarhom. Le. Qal li ivvota favur is-sħubija.
Imma allura meta l-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista iddeċidiet dwar il-posizzjoni tal-Partit Laburista fuq l-Unjoni Ewropeja ma jidhirlix li kien hemm il-vot ta’ Karmenu Vella kontra. L-anqas l-opinjoni tiegħu dwar is-suġġett qatt ma nstemgħet la fil-Konferenza Ġenerali u l-anqas tul is-snin.
Kien ikun iktar rispettat Karmenu Vella kieku kellu l-kuraġġ jgħid il-verita’.
Għandi kull rispett lejn kull Laburist li fl-2003 għażel li jivvota kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropeja. Naf diversi minnhom. Diversi għadhom isostnu li għamlu sewwa. Uħud tul is-snin bidlu l-opinjoni. Imma għadni qatt ma ltqajt ma Laburist li jiċhad dak li għamel.
Kulħadd għandu d-dritt li jkollu d-dinjita’ tiegħu rispettata. Imma min ma jirrispettax lilu nnifsu kif jista’ qatt jippretendi li ħaddieħor jirrispettah?
Dan huwa l-ewwel kumment tiegħi fuq it-tweġibiet li ta’ Karmenu Vella għall-questionnaire. Ser ikolli nikteb iktar, għax hemm diversi affarijiet li jgħid Karmenu Vella li huwa neċessarju li jkunu mwieġba. Għax ħadd m’għandu dritt li jgħaddina biż-żmien.