L-inċidenti tal-ġimgħa l-oħra kienu gravi. Kemm il-qtil tat-tajr protett kif ukoll l-attitudni irresponsabbli ta’ dawk il-200 kaċċatur li ddemostraw il-Belt waranofsinnhar u iktar l-azzjoni vjolenti tat-30 ruħ minnhom li baqgħu sejrin sal-Buskett u sawtu lil dawk li kienu qed josservaw l-għasafar fil-Buskett.
L-attutudni tal-FKNK kienet waħda ambivalenti. Min-naħa l-waħda tiddisassoċja ruħha minn dak li ġara. Imbagħad min-naħa l-oħra qalet li “tifhem il-frustrazzjoni tal-kaċċaturi”. Minkejja dan, imma, n-nies hemm barra ma jifhmux l-affarijiet kif qed jippruvaw ipinġuhom l-FKNK.
Fost il-kummenti tan-nies spikkaw dawk dwar ir-referendum abrogattiv li dwaru l-proċess skond il-Liġi miexi kif suppost. In-nies trid iktar informazzjoni dwar ir-referendum u tixtieq li dan isir illum qabel għada.
Wara li nġabru l-firem għar-referendum, dawn ġew ivverifikati mill-Kummissjoni Elettorali li infurmat b’dan lill-Qorti Kostituzzjonali. Ir-Reġistratur tal-Qorti Kostituzzjonali nhar it-3 ta’ Lulju 2014 ħabbar li kien hemm 41,494 firem validi biex jissejjaħ referendum abrogattiv dwar l-Avviż Legali 221/2010 liema avviż legali jippermetti li permezz ta’ deroga ssir kaċċa għas-summien u l-gamiem fir-rebbiegħa.
Dan l-avviż tar-Reġistratur tal-Qorti Kostituzzjonali jfisser li dakinhar tal-avviż beda jgħodd iż-żmien għall-oġġezjonijiet: hemm fil-fatt tlett xhur ċans u dawn jagħlqu fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla, nhar il-Ġimgħa 3 t’Ottubru 2014.
Wara li jidħlu l-oġġezzjonijiet, li bla dubju ser jippreżentaw (kif għandhom kull dritt) il-kaċċaturi, tibda l-aħħar fażi tal-mixja legali. L-ewwel dawk li qed jikkoordinaw il-proċeduri tar-referendum iwieġbu l-oġġezzjonijiet, u mbagħad il-Qorti Kostituzzjonali, wara li tisma’ dak li jkollhom xi jgħidu l-avukati tagħti d-deċiżjoni tagħha.
Nistennew deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali bejn Diċembru u Jannar. Wara, jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li r-referendum abrogattiv għandu jsir (u s’issa ma jidher li hemm l-ebda raġuni għala m’għandiex tgħid li għandu jsir) ikun possibli li tiġi stabilita d-data tar-referendum abrogattiv. Din tkun mhux qabel ma jgħaddu tlett xhur mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, imma mhux iktar tard minn sitt xhur mill-istess deċiżjoni.
It-triq hi ftit twila, imma jeħtieġ li nieħdu paċenzja ftit ieħor.
Fl-aħħar m’għandix dubju li ser naslu biex il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta tispiċċa darba għal dejjem. Il-vjolenza m’hu ser taqta’ qalb ħadd. Pjuttost qed tiftaħ għajnejn iktar nies li sa ftit ilu kienu bierda u li issa iktar minn qatt qabel qed jirrealizzaw il-gravita’ tas-sitwazzjoni.
Wasalna hawn minħabba li ż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament tul is-snin baxxaw rashom għal dak li riedu l-kaċċaturi. Huwa bis-saħħa tar-rieda popolari u b’mod partikolari dawk il-41,494 firma li nġabru mill-għaqdiet ambjentali u Alternattiva Demorkatika li fl-aħħar ser ikun possibli biex flimkien inħassru dak li għamlu l-PN u l-PL: biex il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta tispiċċa darba għal dejjem.