Joseph Muscat u l-Kaċċa: dak li tiżra’ taħsad

storks in Malta 2014

L-inċidenti dejjem iktar spissi ta’ qtil ta’ għasafar protetti huma l-konsegwenza loġika tal-messaġġi ta’ Joseph Muscat lil kaċċaturi.

Il-messaġġ li Muscat u l-Partit Laburista dejjem taw lill-kaċċaturi kien wieħed ċar u sempliċi ħafna biex jinftiehem : il-Partit Laburista jipproteġi l-kaċċa w il-kaċċaturi. Bħala riżultat ta’ dan il-messaġġ uħud mill-kaċċaturi fehmu li issa għandhom id-dritt li jagħmlu li jridu. Avolja mhux kollha jaħsbu hekk, dik hi l-attitudni ġenerali.

Il-konsegwenzi ta’ dan kollu huma dawk li naraw madwarna kontinwament. Abbużi. Wieħed wara l-ieħor.

L-egħluq temporanju tal-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa mit-3.00pm tal-lum s-Sibt 20 ta’ Settembru sal-11 t’ Ottubru 2014 hu pass tajjeb. Imma hu pass li Muscat qed jieħdu tard ħafna, għax min laħaq rabba’ l-arja issa bil-mod biex ineħħiha. Għal dan jaħti biss Joseph Muscat.

M’għandix dubju li matul il-ġranet li ġejjin ser nisimgħu iktar rapporti dwar inċidenti diversi. Il-Gvern kellu jiċċaqlaq għax l-opinjoni pubblika qed tirreaġixxi għall-abbużi li hawn madwarna. Dan hu pass tajjeb. Forsi Joseph Muscat xi darba jiġi f’sensieh.

Advertisements

Il-Gvern jiftaħar li ser jarmi l-ilma tax-xita fil-baħar

Malta storm

 

Spikkat l-aħbar il-bieraħ li x-xogħol fuq il-mina ta’ tnax-il kilometru li ser tiżbokka f’Ta’ Xbiex biex ittaffi l-impatt tal-għargħar wasal fl-aħħar.

Din il-mina ser isservi biex fiha jinġabar l-ilma tax-xita li jkun għaddej mit-toroq. Il-parti l-kbira ta’ dan l-ilma ser jintefa l-baħar. Il-Gvern qiegħed jiftaħar li dan l-ilma tax-xita ser jintefa’ fil-baħar.

Tajjeb dan? Dan hu ħela ta’ riżorsi u ma nistax nifhem min kien dak l-għaref li approva li juża’ l-miljuni ta’ euros f’fondi Ewropej biex narmu dan l-ilma tax-xita l-baħar.

Il-parti l-kbira ta’ dan l-ilma tax-xita ikun fit-toroq minħabba li ħafna bini li inbena matul dawn l-aħħar 50 sena huwa mingħajr bir. Għal din ir-raġuni l-ilma tax-xita mill-bjut ta’ dan il-bini jispiċċa fit-toroq jew jintefa’ fid-drenaġġ li għax ma jlaħħaqx ifur fit-toroq ta’ diversi lokalitajiet.

Mela meta l-Gvern (ta’ Gonzi) ta’ bidu għal dan il-proġett kien qed jagħmel tajjeb għall-abbużi li saru mill-industrija tal-bini tul dawn l-aħħar 50 sena. Il-Gvern sikwit jipprietka li min iħammeġ għandu jnaddaf (the polluter pays). Allura għax ma darx fuq min kien responsabbli u ġiegħlu jerfa’ l-konsegwenzi ta’ egħmilu?

Flok ma mexa b’responsabbilta, l-Gvern daħħal idejh fil-but tagħna u mill-kaxxa ta’ Malta kif ukoll mill-fondi Ewropej qed jagħmel tajjeb għall-ħsara kbira li l-industrija tal-bini għamlet tul is-snin.

Din ir-realta’ ma jgħidulkomx biha meta jkunu qed jippużaw għar-ritratti.

Ta' Xbiex storm water