Il-biża’ dwar Karmenu Vella: strument biex imexxu l-arloġġ lura

turning back the clock

 

Il-ħatra ta’ Karmenu Vella minn Jean-Claude Juncker biex ikun responsabbli (fost affarijiet oħra) għall-politika ambjentali tal-Unjoni Ewropeja qed tnissel biża’ mhux żgħira fost l-għaqdiet ambjentali Ewropej w internazzjonali.

Karmenu Vella mhux bniedem li jbeżża’ n-nies. Huwa l-programm politiku li għandu quddiemu li hu tal-biża’. Huwa programm politiku li fil-qasam tal-ambjent imexxi l-arloġġ lura.

Jean-Claude Juncker jidher li għandu l-mira li jdgħajjef jew jelimina kull regolament ambjentali li jista’ jitqies bħala li hu ta’ xkiel għall-ħidma ekonomika. Issa meta jingħad kliem f’dan is-sens ifisser li l-business u l-industrija jitħallew jagħmlu li jridu għax dawn iqiesu kull regola bħala li ixxekkilhom fl-iskop uniku tagħhom: dak li jimpalaw l-euros! Regoli li jipproteġu n-nies u l-ambjent. Regoli li jippruvaw jasiguraw imġieba korretta. Dawn kollha qegħdin fil-mira tal-Kummissjoni immexxija minn Jean-Claude Juncker.

Karmenu Vella ġej minn pajjiż (u minn partit politiku) li ftit li xejn għandu kredibilita’ fejn tidħol l-osservanza tar-regolamenti ambjentali. Il-lista hi twila u mhux il-Gvern tal-lum biss ta’ kontribut għal din il-fama ħażina: il-Gvernijiet ta’ Gonzi u Fenech Adami ukoll għandhom jerfgħu ir-responsabbilta’ għal dan.

L-għaqdiet ambjentali internazzjonali, għaxra minnhom, mhux minn Karmenu Vella biss qed jibżgħu. Huma inkwetati mill-programm politiku tal-Kummissjoni immexxija minn Jean-Claude Juncker li jidher li jrid idawwar l-arloġġ lura fil-qasam ambjentali.

F’ittra pubblika grupp ta’ għaxar għaqdiet ambjentali isemmu r-raġunijiet dettaljati għal din il-biża’ tagħhom kif ġej:

  1. Ir-responsabbiltajiet ambjentali flimkien ma dawk għas-sajd u l-politika marittima taħt Kummissarju wieħed ser idgħajfu l-impenn u l-prijorita’ li għandu jkollha l-politika ambjentali,
  2. L-oġġettiv ewlieni tal-Kummissjoni għall-ħames snin jidher li hu tnaqqis tar-regolamentazzjoni (deregulation),
  3. L-inkarigu ċar u speċifiku lil Karmenu Vella biex jinbidlu id-direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitats: hu messaġġ ċar kontra l-ħarsien tal-bijodiversita’,
  4. Ġew imqegħda flimkien, taħt Kummissarju wieħed ukoll, l-enerġija u t-tibdil fil-klima: dan ifisser li l-azzjoni dwar il-bidla fil-klima ser tkun soġġetta għas-suq tal-enerġija,
  5. L-għażla bħala Kummissarju għall-Klima u l-Enerġija ta’ persuna b’kuntatti magħrufa fl-industrija taż-żejt jnissel biża’ addizzjonali ta’ kunflitt ta’ interess,
  6. Iċ-ċaqlieq tar-responsabbilta’ għal Aġenzija Ewropeja dwar il-Kimiċi (u allura d-Direttiva REACH) mid-Direttorat Ġenerali dwar l-Ambjent għad-Direttorat Ġenerali tal-Intrapriża juri b’mod ċar li l-interessi tal-industrija qed jitpoġġew qabel l-interessi tan-nies, qabel il-ħarsien tas-saħħa u qabel konsiderazzjonijiet ta’ ħarsien ambjentali,
  7. Ma hemm l-ebda Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat milli jikkorodina l-ħidma ambjentali (ekonomija l-ħadra, żvilupp sostenibbli, ħarsien tar-riżorsi ………….).

 

Dan kollu jfisser li l-Kummissjoni Juncker ser tkun Kummissjoni kontra l-politika ambjentali. Il-kliem li l-għaqdiet ambjentali jużaw hu li ser ikun hemm “a de facto shut-down of EU environmental policy making.”

Din hi l-biża’. Mhux biss biża’ minn Karmenu Vella, imma biża’ li l-Kummissjoni immexxija minn Jean-Claude Juncker ser iddawwar l-arloġġ lura fil-qasam tal-ambjent u Karmenu Vella ser ikun l-istrument biex dan iseħħ.

 

2 comments on “Il-biża’ dwar Karmenu Vella: strument biex imexxu l-arloġġ lura

  1. U Karmenu Vella fil-hajja politika tieghu wera ruhu izjed strument ghall-idejat ta’ haddiehor milli xi hadd li ghandu idejat tieghu li lest “to stand up and be counted” biex igibhom il-quddiem.

  2. MA nafx ghalfejn qieghdin nibzu ghax l-spekulaturi hawn Malta diga qieghed jithallew jaghmel li jridu. Kompletament. Kollu a skapitu tac-cittadin li jrid arja nadifa, spazju u mhux jungla tal-concrete.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s