Kif jista’ Karmenu Vella jitfi s-switch?

switching off

 

Karmenu Vella hu ferħan bl-inkarigu li ngħata minn Jean-Claude Juncker. Imma meta tara l-affarijiet sewwa huwa ċar li m’għandux wisq biex jifraħ.

Jiena bħala ambjentalist naħseb li l-proposta ta’ Juncker hi waħda żbaljata u nantiċipa kritika qawwija fil-Parlament Ewropew u fil-kumitati relattivi. Dan diġa jinħass mill-kummenti li qed jinstemgħu fil-kurituri diversi ġo Brussels.

L-ewwel nett l-oqsma ta’ responsabbiltà li Juncker għazel li jgħabbi fuq Karmenu Vella mhux biss huma wisq, imma iktar minn hekk jagħtu l-messaġġ ta’ tnaqqis tal-importanza tal-oqsma kollha: l-ambjent, il-politika marittima kif ukoll is-sajd. L-għażla tar-responsabbiltajiet ta’ Karmenu Vella kienet deċiżjoni politika ta’ Jean-Claude Juncker. Hi għażla li tfisser li dawn it-tlett oqsma ser ikunu emarġinati.  Dan hu messaġġ ħażin li qed jagħti Jean-Claude Juncker.

Hu messaġġ li ma jirriżultax biss mid-daqs tal-portafoll imma ukoll mill-fatt li l-ħidma ta’ Vella biex tasal għad-diskussjoni fil-Kummissjoni trid il-kunsens ta’ wieħed mill-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni prinċipalment fuq kriterji ekonomiċi u ta’ kompetittivita u dan bħala riżultat tal-proposta tal-clustering tar-responsabbiltajiet fil-Kummissjoni. Dan ser ifisser li jista’ jinħonoq il-leħen ambjentali fil-Kummissjoni. Dan ikun pass kbir lura li jieħu lill-Unjoni Ewropeja lura snin kbar.

Kien ikun ħafna iktar għaqli kieku, kif qed tinsisti l-World Wildlife Fund, inħoloq cluster ta’ Kummissarji taħt id-direzzjoni ta’ Viċi President responsabbli mill-Iżvilupp Sostenibbli. Imma din donnha li għal Jean-Claude Juncker mhiex materja ta’ importanza.

Karmenu Vella hu bniedem raġjonevoli. Tista’ tiddiskuti miegħu b’faċilita. Filwaqt li dan hu importanti ħafna, mhux biżżejjed.

F’karriera politika ta’ kważi 40 sena Karmenu Vella ftit li xejn kien espost għall-politika ambjentali . Li taqra d-dossiers li jħejjulek fuq materji differenti jista’ jkun ta’ għajnuna imma qatt ma hu ser jirrimedja, f’kamp daqstant vast u kultant ikkumplikat bħalma hu dak ambjentali.

Fuq kollox imbagħad Karmenu Vella jappartjeni lil partit politku li m’għandux kredenzjali ambjentali li qatt jista’ jiftaħar bihom. Għadu ħiereġ minn kampanja elettorali fejn bħala parti mill-Partit Laburista Karmenu Vella ta appoġġ inkundizzjonat lill-kaċċa fir-rebbiegħa u lill-insib, posizzjonijiet li huma dijametrikament opposti għar-responsabbiltajiet li hu propost li jerfa’. Anzi għandu l-inkarigu ċar u speċifiku minn Juncker li jibda l-proċess ta’ reviżjoni u konsolidament tad-Direttivi bażici dwar l-Għasafar u l-Habitats. Safejn naf jiena ma naħsibx li Juncker irid jintroduċi l-kaċċa fir-rebbiegħa fl-Unjoni Ewropeja kollha!

Kif jista’ Karmenu Vella jitfi s-switch  ta’ posizzjonijiet politiċi li m’humiex kompatibbli mal-linja politika ambjentali tal-Unjoni Ewropeja?

Herman Grech tat-Times dan kollu jiddeskrivieh bħala riżultat tas-sens ta’ umoriżmu ta’ Juncker.

Fuq dan il-blog jiena diġa emfasizzajt li hemm dan il-kuntrast inkwetanti bejn ir-responsabbiltajiet assenjati lil uħud mill-Kummissarji (fosthom Karmenu Vella) u l-politika tal-pajjiż li qed jaħtarhom.

Altru li għandu biex jieħu pjaċir Karmenu Vella.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s